Lokali Parlament

Oliver Scicluna co-opted fil-Parlament…wara l-manuvra ta’ Gavin Gulia

L-ex Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà Oliver Scicluna llum kien co-opted fil-parament bħala deputat Laburista wara r-riżenja tad-deputat Gavin Gulia.

F’diskors qasir li għamel hekk kif ħa l-ġurament, Oliver Scicluna rringrazzja lill-Prim Ministru tal-fiduċja u qal li fl-aħħar snin hu kien Kummissarju għall-Persuni b’Diżabbiltà u jħoss li qeda dmiru lejn dawn in-nies bla ma ħares lejn l-uċuħ jew il-kuluri. Hu qal li se jaqdi dmiru bl-istess mod bħala deputat u jixtieq jaħdem mad-deputati kollha.

Oliver Scicluna kien co-opted fil-parlament wara li l-ex Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna rriżenja wara li kien maħtur Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Fl-elezzjoni każwali li saret kien il-kandidat Laburista Gavin Gulia li kien elett fuq is-seba’ distrett.

Minkejja li kien diġà ħabbar li issa li ken elett, Gavin Gulia kien se jirriżenja inn Chairman tal-MTA, hekk kif hu ħa l-ġurament ta’ ħatra, issorprenda lil kulħadd billi ħabbar ir-riżenja immedjata tiegħu minn deputat Laburista.

Wara din il-manuvra fil-Partit u l-Gvern Laburista, il-Prim Ministru mar għall-co-option u għażel lil Oliver Scicluna, li qatt qabel makien ikkontesta elezzjoni ġenerali. Oliver Scicluna issa jiżdied mal-Ministru Miriam Dalli u mal-Ministru Clyde Caruana bħala deputati co-opted fil-parlament Malti.