Internazzjonali

Phil Spector: Tmiem infeliċi għall-produttur mużikali li kien il-moħħ wara l-famuż ‘Wall of Sound’

Phil Spector, il-produttur mużikali ġenju li influwenza ġenerazzjonijiet ta’ kantanti u mużiċisti bil-ħoss uniku tiegħu, miet il-ħabs fl-età ta’ 81 sena waqt li kien qed jiskonta sentenza ta’ priġunerija għal omiċidju, fl-Istati Uniti.

Spector, fl-2009, kien ikkundannat il-ħabs għall-għomru dwar il-qtil tat-tfajla tiegħu, l-attriċi Lana Clarkson. Intant mewtu  kienet ikkonfermata mill-awtoritajiet tal-ħabs ta’ Kalifornja li baqgħu ma tawx ir-raġuni uffiċjali.

Phil Spector irnexxielu jibdel il-wiċċ tal-mużika fis-snin sittin bħala wieħed mill-aktar ismijiet prominenti ta’ dik l-era. Dan waqt li hu introduċa stil ta’ rekordings bl-isem Wall of Sound għal diversi kanzunetti li baqgħu klassiċi sallum u li fihom jispikkaw l-arranġamenti orkestrali estravaganti li kienu novità għall-mużika kontemporanja ta’ dak iż-żmien.

Phil Spector, fost oħrajn, kellu sehem importanti fl-album leġġendarju ‘Let It Be’ ta’ The Beatles filwaqt li produċa l-album ‘Imagine’ ta’ John Lennon.

L-influwenza ta’ Spector, minn lat ta’ produzzjoni, anki serviet bħala ispirazzjoni għal ismijiet kbar oħra bħal The Beach Boys u Bruce Springsteen. Hu kien ħadem mill-qrib ukoll mal-grupp The Ramones, Cher, Leonard Cohen u Ben E. King fost oħrajn.

Phil Spector ipproduċa 20 kanzunetta li daħlu fit-Top 40 hits bejn l-1961 u l-1965. Dan wara li hu kien waqqaf id-dar tad-diski tiegħu bl-isem Philles u fejn introduċa gruppi bħal The Ronettes li kellhom is-suċċess kbir ‘Be My Baby’.

Spector kien influwenti wkoll fis-suċċessi ‘You’ve Lost That Lovin’ Feelin’’ u ‘Unchained Melody’ ta’ The Righteous Brothers iżda hu baqa’ jsostni li l-aħjar xogħol tiegħu kienet il-produzzjoni tal-kanzunetta ‘River Deep-Mountain High’ ta’ Ike and Tina Turner.

Madankollu, il-ħajja ta’ Phil Spector kienet waħda infeliċi fejn dam is-snin ibati mill-vizzju tad-droga u l-alkoħol – u sal-punt fejn hu kien kważi rtira għal kollox mix-xena mużikali matul is-snin tmenin u disgħin.