Futbol Sport

Rabja lejn deċiżjonijiet żbaljati u ripetuti mir-referees fil-Kampjonat Premier

Ritratt ta' Domenic Aquilina

Il-President ta’ Żejtun Corinthians, Joe Gauci jgħid li ngħata penalty ivvintat kontra tagħhom

Waqt il-programm ta’ diskussjoni ‘Replay’ tal-Ħadd filgħaxija, il-President ta’ Żejtun Corinthians, Joe Gauci qal li t-tim tiegħu reġa’ kien ikkastigat minn deċiżjonijiet arbitrali li kienu żbaljati u li minħabba fihom reġgħu kienu ż-Żwieten li kellhom ibgħatu. Il-Ħadd, Żejtun temmew dro ta’ 1-1 kontra Santa Lucia, u l-gowl tad-dro li soffrew Żejtun kien minn azzjoni ta’ penalty, li skont Gauci kien ivvintat.

Waqt Replay, Gauci qal li l-media lokali qed tirraporta l-azzjoni li waslet għall-penalty mogħti lil Santa Lucia, li fiha Lucas Moreira waqqa lil Rei Tachikawa iżda fil-veritá, skont dak li qal Gauci, ir-referee tal-partita, Stefan Pace wara l-partita tkellem mal-plejers ta’ Żejtun u qallhom li l-penalty ingħata għaliex Moreira mess il-ballun b’idu u mhux għax waqqa lil Tachikawa. Gauci żied jgħid li dak li qal Pace mhux vera seħħ, Moreira qatt ma mess il-ballun b’idu. “Kieku dan vera seħħ, suppost kellu jagħti karta safra lill-plejer, iżda lanqas din ma ġrat,” qal Gauci.

Fuq il-paġna ta’ Żejtun Corinthians fuq Facebook, il-klabb kien iebes għal din id-deċiżjoni tar-referee Pace, u f’post fuq l-istess paġna wara l-partita, il-klabb qal li “referee Stefan Pace, wara li kontra Hibs ma tagħnix penalty ċar, illum kontra Santa Lucia kien aqwa. Ivvinta penalty! Mhux sewwa wara tant investiment.”

Fl-intervent tiegħu waqt Replay, Gauci qal li matul dan l-istaġun il-klabb qed isofri minn ħafna deċiżjonijiet kontra tagħhom li qed jieħdu r-referees, u għamel referenza ukoll għal episodji fil-partiti ta’ kontra Valletta u Floriana rispettivament.

Mistoqsi mill-preżentatur Christian Micallef, jekk dan l-ilment resqux jew tkelmux mal-Kap tar-referees committee tal-MFA, Alan Mario Sant, hu qal li le pero jistenna li dawn id-deċiżjonijiet żbaljati ma jsirux. Ir-rabja ta’ Gauci, m’hijix l-ewwel waħda li kienet espress dan l-istaġun minn President ta’ klabb fil-Kampjonat Premier. Dan għaliex fil-ġimgħat li għaddew, waqt l-istess programm Replay, tkellem ukoll il-President ta’ Lija Athletic, l-avukat Peter Fenech li ukoll ikkritika l-livell u n-nuqqas ta’ deċiżjonijiet tajba li ttieħdu fil-konfront tat-tim tiegħu.

Id-difensur ta’ Hibernians Andrei Agius jgħid li jeħtieġ li tidħol il-goal line technology f’Malta

Matul din it-tmiem il-ġimgħa, l-agħar żball , jew aħjar, l-aktar wieħed diskuss u li kien ikkritikat bl-aħrax minn bosta, kien il-gowl validu li tħassar lil Hibernians fil-partita kontra Sliema Wanderers, mir-referee Ishmael Barbara. Il-ballun kien ġudikat li ma daħalx meta effettivament ir-ripetizzjoni tal-gowl urew biċ-ċar li l-ballun kien qabeż il-linja tal-gowl. F’dan il-każ jidher li l-assistant referee, Alan Camilleri naqas milli jieħu gudizzju tajjeb tal-azzjoni.

Dwar din l-azzjoni partikolari, f’Replay tal-Ħadd, tkellem il-captain tat-tim nazzjonali Malti u plejer ta’ Hibernians, Andrei Agius fejn saħaq li wasal iż-żmien li f’pajjiżna ninvestu fil-goal line technology.

Aktar kmieni dan ix-xahar, fil-programm Replay, il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo esprima d-diżappunt tiegħu lejn il-livell u n-nuqqas ta konsistenza tar-referees lokali, b’mod partikolari fil-Kampjonat Premier.