Kultura Lokali

Rakkonti li jkexkxu dwar l-Imdina u r-Rabat f’webinar minn Heritage Malta

Stejjer tat-tkexkix li jinvolvu lill-Imdina u r-Rabat se jiġu rakkontati f’webinar li Heritage Malta se tippreżenta nhar it-Tlieta, 26 ta’ Jannar.

Vjaġġ virtwali f’dan il-webinar se jħuf fi sqaqien mudlama u jinżel fis-skiet sewdieni tal-katakombi, iżda jimraħ ukoll f’palazzi maestużi u knejjes sbieħ, ilkoll bil-ġrajjiet tagħhom x’jirrakkontaw. Ġrajjiet li fihom kemm-il darba ġera d-demm, u li ħallew marka fuq l-istorja ta’ pajjiżna jew saħansitra biddluha.

Bit-titlu “Malta Oskura: Ir-Rabat u l-Imdina”, il-webinar jibda fit-8.30pm u jkun jikkonsisti fil-vjaġġ virtwali ta’ 20 minuta segwit minn sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet. Ir-rakkonti tul il-vjaġġ se jkunu bil-Malti, iżda se jkun hemm sottotitli bl-Ingliż.

Dawk li jixtiequ jieħdu sehem fil-webinar huma mitluba jirreġistraw minn qabel hawnhekk: https://zoom.us/webinar/register/WN_RyQQecoLQEi-p5PpHJJtoQ. Aktar ’il quddiem, il-vjaġġ virtwali jkun jista’ jitniżżel mill-internet bi ħlas, mingħajr is-sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet.

Ikkummenta