Lokali

Robert Abela indifferenti għall-inkwiet ta’ inkwilini li se jispiċċaw żgumbrati minn djarhom – PN

L-Oppożizzjoni tesprimi t-tħassib tagħha għall-indifferenza ta’ Robert Abela u l-Gvern Laburista għall-inkwiet kbir li eluf ta’ inkwilini issa ghandhom li se jispiċċaw żgumbrati minn djarhom. Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-deputati Jason Azzopardi u Ivan Bartolo.

L-Oppożizzjoni tfakkar li fit-2 ta’ Diċembru li għadda ngħatat l-ewwel sentenza ta’ żgumbrament mill-Bord li jirregola l-kera fuq talba tal-istess persuna li iktar kmieni fl-2020 rebaħ il-kawża Kostituzzjonali li kien għamel kontra d-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kera.

L-Oppożizzjoni tkellmet fuq din il-kwistjoni dakinhar stess li ngħatat din is-sentenza tal-Bord tal-Kera u kienet stiednet lil Gvern ta’ Robert Abela biex ixammar il-kmiem u jaħdem biex iserraħ moħħ l-eluf ta’ inkwilini li issa għandhom giljottina fuq rashom fl-istess waqt li jara li jitħarsu d-drittijiet tas-sidien. Minkejja l-istedina li dakinhar kienet għamlet l-Oppożizzjoni biex il-Gvern jinvolvivha f’materja t’interess hekk nazzjonali u pubbliku, sal-lum l-Oppożizzjoni ma semgħet xejn mill-Gvern.

Din hija bomba soċjali tal-ħin. Quddiem l-obbligu tal-Gvern Laburista li jħares il-ġid komuni u allura li jilleġiżla sabiex filwaqt li jitħarsu d-drittijiet tas-sidien, fl-istess waqt ikollhom ukoll rashom mistrieħa l-eluf ta’ inkwilini f’pajjiżna, l-Oppożizzjoni tikkundanna l-indifferenza ta’ Robert Abela u tappella biex dan jaġixxi mill-iktar fis.