Internazzjonali

Russja: Tletin jum ħabs għal Alexei Navalny

Alexei Navalny – l-akbar kritiku tal-President tar-Russja Vladimir Putin – se jkollu jiskonta 30 jum ħabs skont verdett tal-qorti li ngħata ftit anqas minn 24 siegħa mindu hu rritorna pajjiżu mill-Ġermanja.

Qabel is-sentenza, l-Istati Uniti u numru ta’ pajjiżi Ewropej,  kienu qed jinsistu biex Navalny, il-Kap tal-Oppożizzjoni Russa, jinħeles mill-arrest f’pajjiżu.

L-aħħar rapporti minn Moska qalu li s-sentenza ta’ priġunerija ngħatat għaliex Navalny, allegatament, kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza sospiża dwar frodi li kien ingħata xhur ilu. Il-Kap tal-Oppożizzjoni, intant, qed jiċħad għar-reat inkwistjoni waqt li qed jgħid li l-Gvern Russu qed jaqla il-kalunji kontra tiegħu bi skop politiku.

Kien fil-lejl tal-Ħadd li Navalny – li qed jakkuża lill-Gvern Russu b’kumplott kontra ħajtu li falla – wasal lura f’Moska, mill-Ġermanja, fejn kien ilu mis-Sajf rikoverat wara allegat attentat fuq ħajtu.

F’Awwissu li għadda, persuna jew persuni kienu tefgħu kimika jew nerve agent fit-tazza tal-kafe ta’ Navalny qabel hu kellu jaqbad titjira interna fir-Russja –  bil-konsegwenza li hu spiċċa f’sitwazzjoni kritika. Navalny kien ittieħed il-Ġermanja għall-kura …. fejn fl-aħħar xhur irnexxilu jirkupra minn ħalq il-mewt.

Ir-ritorn ta’ Navalny fir-Russja qanqal interess fuq livell internazzjonali iżda l-arrest tiegħu f’Moska reġa’ qed iqajjem tħassib serju.

Min-naħa tiegħu, Alexei Navalny fisser it-trattament tiegħu taħt idejn l-awtoritajiet Russi bħala l-akbar każ ta’ ksur tal-liġi.