Lokali

Tissokta n-nuqqas ta’ trasparenza fil-bejgħ tal-passaporti

L-ismijiet ta’ dawk li ser ikunu qed jakkwistaw Ċittadinanza mill-iskema tal-bejgħ tal-passaporti ser jibgħu ma jiġux identifikati jew separati mill-bqija tal-ismijiet ta’ dawk il-persuni li jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija mod ieħor.

Sostna dan is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat f’laqgħa bil-maghluq mal-ġurnalisti  meta mistoqsi jekk hux ser ikun hemm aktar trasparenza fil-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment, fejn saħaq li dan mhux se jsir sabiex ma jkunx hemm deskriminazzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari prezenta  il-programm tal-Malta Permanent Residence għall-2021 – programm li jagħti l-faċilità ta’ residenza lil dawk il-persuni li ġejjin minn pajjiżi mhux stati membri fl-Unjoni Ewropea. Dawn ma jinkludux il-pajjiżi segwenti; l-Iżvizzera, Iran, il-Korea ta’ Fuq u l-Afghanistan – kif ukoll pajjiżi miż-Żona Ekonomika Ewropea.

Ġie spjegat li sabiex wieħed jibbenefika minn dan il-programm, għandu fost oħrajn; jikri post fin-Nofsinhar ta’ Malta jew Għawdex għall prezz mhux inqas minn €10,000 jew €12,000 fil-bqija ta’ Malta, jew jixtri proprjeta fin-Nofsinhar ta’ Malta jew Għawdex għal prezz mhux inqas minn €300,000…. jew €350,000 fil-bqija ta’ Malta.

Dan filwaqt li għandhom iħallsu €40,000 bħala ħlas inizjali biex wiehed jissieħeb fil-programm, b’€10,000 jitħalsu fil-bidu, u ‘il bqija fuq mhedda ta’ xahrejn. Kif ukoll l-applikant għandu jagħti €2,000 f’donazzjoni lil NGO lokali fil-qasam kulturali, sportiv, xjentifiku jew filantropiku.

Intant ġie spjegat li mill-Malta Residency Visa Programme, l-MRVA, pajjizna ircieva mal-2,542 applikazzjoni li minnhom 70% ġew aċċettati u 10% kienu rifjutati – bil-maġġoranza tal-persuni ġejjin miċ-Ċina kif ukoll mil-Lvant Nofsani, Turkija, Russja, Vjetnam u l-Afrika t’Isfel.

Ta’ min wieħed jinnota li ankè f’dan il-każ, il-lista tal-ismijiet ta’ persuni li ser ikunu qed jakkwistaw residenza b’dan il-metodu mhux ser ikunu pubbliċi.