Coronavirus Lokali Saħħa

200 każ ġdid, mewta oħra kaġun tal-Covid-19

200 każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta. Mewta oħra fl-aħħar sigħat. Mill-bidu tas-sena ġew irreġistrati 3,168 każ ġdid ta’ dan il-virus.

Ġie mħabbar ukoll li sa issa fiequ mill-virus 12,865, filwaqt li l-każijiet totali minn Marzu ‘l hawn huma 15,948. Il-każijiet attivi f’pajjiżna telgħu għal 2,836.

Fl-aħħar sigħat tilfet ħajjitha mara ta’ 84 sena kaġun tal-Coronavirus, hija tilfet ħajjitha fl-Isptar Mater Dei. Dan ifisser li l-vittmi issa żdiedu għal 242, bi 23 fatalità fl-aħħar 3 ġimgħat.

Wiehed irid jinnota li l-Ministeru għas-Saħħa baqa’ ma ħareġ ebda informazzjoni dwar it-3 fatalitajiet imħabbra fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

Dan filwaqt li l-pubbliku ġie infurmat li s’issa tqassmu 13,002 vaċċin f’pajjiżna – mhux ċar kemm minnhom huma vaċċini tat-tieni doża.

Mill-154 każ imħabbar tul il-jum tat-Tnejn, il-Gvern…. għall-ewwel darba ….ma’ ħareġ ebda dettalji dwar kif ittestjaw pożittiv u wisq inqas kemm minnhom kienu sporadiċi.