Internazzjonali

Covid-19: Il-WHO twissi dwar ‘falliment morali katastrofiku’ dovut għall-politika tal-vaċċini

epa06747281 Tedros Adhanom Ghebreyesus, director general of the World Health Organization (WHO), attends a press conference at the European headquarters of the United Nations in Geneva, Switzerland, 18 May 2018. The WHO Director-General answered questions ahead of the World Health Assembly and following the meeting of an International Health Regulations Emergency Committee on Ebola in the Democratic Republic of the Congo. EPA-EFE/VALENTIN FLAURAUD

Il-Kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), Tedros Adhanom Ghebreyesus, qal li d-dinja qed tiffaċċja ‘falliment morali katastrofiku’ minħabba politika ta’ inugwaljanza fid-distribuzzjoni tal-vaċċin kontra l-Covid-19.

Ghebreyesus qal li mhux xieraq li persuni żgħażagħ u b’saħħithom li huma residenti ta’ pajjiżi sinjuri jingħataw it-tilqima kontra l-coronavirus ġdid qabel il-persuni vulnerabbli li qegħdin jgħixu fl-Istati foqra u sotto-żviluppati.

Hu spjega li ‘il fuq minn 39 miljun doża tal-vaċċin ingħataw f’49 pajjiż meqjusa bħala sinjuri – u meta pajjiż wieħed fqir ‘għandu biss 25 doża’ għan-nies tiegħu.

Sadanittant, panel indipendenti kummissjonat mill-WHO qal li din l-organizzazzjoni għas-saħħa pubblika tan-Nazzjonijiet Uniti messha dikjarat emerġenza internazzjonali (minħabba l-Covid) ħafna qabel. L-istess panel, fl-istess ħin, ikkritikat liċ-Ċina – il-pajjiż fejn feġġ il-virus aktar minn sena ilu – talli ma ħaditx miżuri aktar qabel fl-interess tas-saħħa pubblika.

Sallum, iċ-Ċina, l-Indja, ir-Russja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti kollha żviluppaw il-vaċċini għal kontra l-Covid-19, waqt li entitajiet multinazzjonali qegħdin jiżviluppaw vaċċini oħra għall-kontroll aħjar tal-pandemija.

Hu minnu wkoll, sadanittant, li kważi l-pajjiżi kollha msemmija qed jagħtu priorità lid-distribuzzjoni tal-vaċċin (permezz ta’ programmi ta’ tilqim) lill-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom.

Fi żviluppi oħra, l-istatistika nazzjonali fir-Renju Unit uriet li wieħed minn kull għaxar ċittadini kellu l-antibodies għal kontra l-Covid-19 sa Diċembru. Il-preżenza tal-antibodies fil-ġisem tindika li l-persuna jkun spiċċa infettat mill-virus ‘f’xi żmien fil-passat’. Dan waqt li ċ-ċertifikati tal-mewt fir-Renju Unit qed jindikaw li (s’issa) mietu kważi 96,000 mill-effetti tal-virus.

Fl-aħħar sigħat, il-kelliema għal Joe Biden, li dalwaqt jieħu l-ġurament bħala s-46 President tal-Istati Uniti, qalu li pajjiżu għandu jibqa’ jinforza l-projbizzjoni tal-ivvjaġġar ( travel bans) fil-konfront tar-Renju Unit, diversi pajjiżi-membri tal-Unjoni Ewropea u l-Brażil, bil-għan li jrażżan il-firxa tal-Covid-19.

Il-Ġermanja, intant, qed taħseb biex testendi – u x’aktarx tissikka – l-lockdown. Dan waqt li l-Kanċillier Angela Merkel kienet involuta f’video-conference mal-Prim Ministri tas-Sittax-il Stati Ġermaniżi biex huma jevalwaw x’miżuri ġodda jistgħu jittieħdu għal din l-emerġenza.

Intant, Spanja konfermat l-ogħla numru ta’ infezzjonijiet ġodda – 84,287 – qatt irreġistrat f’artha ‘għal tmiem-il ġimgħa speċifika’. Ir-rata ta’ infezzjoni bil-Covid-19 f’dan il-pajjiż issa hi kalkulata madwar 689 każ għal kull 100,000 persuna.