Lokali Qorti

Disa’ snin ħabs fuq traffikar ta’ nisa għall-prostituzzjoni

Koppja Ungeriża li kienu ġew Malta ħames snin ilu ġew kundannati disa’ snin ħabs kull wieħed mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras wara li nstabu ħatja li ttraffikaw nisa wkoll ta’ nazzjonalità Ungeriża għal skop ta’ prostituzzjoni.

Il-koppja kienet tgħix San Pawl il-Baħar u kienet ilha xi xhur Malta qabel ma bdiet tikkommetti dawn ir-reati. Fil-fatt huma kienu jidhru li qegħdin jgħixu ħajja normali fejn anke kienu jibgħatu t-tifla tagħhom l-iskola.

Oriġinarjament Robert Attila Majlat ta’ 42 sena u Attilane Majlat ta’ 37 sena kienu ġew kundannati 12-il sena ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati f’Novembru ta’ 2019.

Il-koppja kienet appellat mis-sentenza, bil-Qorti tal-Appell Kriminali tordna li kellu jsir il-kontro-eżami fil-konfront tal-vittmi u għalhekk kienet skartata s-sentenza mill-Ewwel Qorti, bil-każ imur quddiem Qorti oħra li ddeċidiet il-każ.

Wara li ngħatat s-sentenza l-Avukati Noel Bianco u Jason Grima qalu li kienu se jappellaw mis-sentenza. Dan mhux it-tieni appell mis-sentenza peress li l-ewwel appell li kien sar kien ġie deċiż li l-Ewwel Qorti tkompli tisma’ l-każ u ma ddeċiditx fuq il-ħtija jew le jew fuq il-piena tal-akkużati.

Il-każ ġie assenjat lill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras fejn irriżulta li żewġ nisa kienu spiċċaw vittmi ta’ traffikar uman. Il-vittmi, li isimhom ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti xehdu li qatt ma kellhom flus tagħhom, minħabba li kull ma kienu jaqilgħu kienu jgħadduh lill-koppja, li minn naħa tagħha kienu jipprovdu biss għall-ħobża ta’ kuljum.

Waħda mill-vittmi qalet fil-Qorti li hija saret taf lil Robert Majlat meta kellha biss 19-il sena. Dak iż-żmien hija diġa kienet qed taħdem fil-prostituzzjoni ma’ xi ħadd ieħor, sakemm Majlat ‘kien ħallas għaliha’ u ħadha għalih mingħand ir-raġel li kien iħaddimha qabel.

Il-vittma qalet li hija ħadmet ta’ prostituta f’diversi pajjiżi, fosthom l-Ungerija, l-Ingilterra, l-Olanda u Malta, u dejjem għaddiet il-flus li daħħlet mill-prostituzzjoni lil Majlat.

Ix-xhud qalet ukoll li l-mara tiegħu, kienet responsabbli biex tirranġa l-appuntamenti mal-klijenti u kienet hi li tiddetermina kemm jiswa’ s-servizz.
Qalet ukoll li kienu tliet persuni li jittraffikawha u li jibgħatuha mal-irġiel, iżda t-tielet persuna m’għadhiex Malta.

Din l-istorja kienet ilha sejra minn Awwissu tal-2016 meta sa minn meta ġew Malta, iżda sid il-post fejn kienet toqgħod hi u ħabibitha kien induna li l-post qed jintuża għall-prostituzzjoni. Kien għalhekk li huwa kien temm il-kirja u għalhekk kellhom jitilqu minn Malta.

Huma rritornaw lura Malta f’Settembru tal-2017 bix-xhud tgħid li kien ikollha 15-il klijent kuljum. Fix-xhieda tagħha sostniet ukoll li kienet sfurzata li jkollha x’taqsam sesswalment mas-ma’ Robert Majlat, li iżda ma nstabx ħati ta’ din l-akkuża minħabba li dan il-fatt ma kienx pruvat.

Il-vittma qalet li hija riedet tieqaf tkompli taħdem ta’ prostituta, iżda kienet inkwetata fuq li ma kienx se jkollha flus biex titma’ u tisqi lil bintha ta’ tmien xhur. Qalet li t-tarbija tagħha kienet toqgħod mal-koppja li kienet tħaddimha waqt li hija tkun mal-klijenti.

Il-vittma l-oħra xehdet bl-istess mod u kkonfermat kif kienet inġiebet Malta biex taħdem ta’ prostituta. Hija kienet toqgħod San Pawl il-Baħar mal-koppja u li kienet tuża’ appartament differenti biex taqdi l-klijenti. Hija qalet li kienet tieħu €100 biex toffri s-servizzi tagħha.

Qalet ukoll fil-Qorti li l-koppja kienet tgħajjat magħha f’diversi okkażjonijiet u kien hemm mumenti wkoll fejn sawwtuha. Qalet ukoll li kien hemm min ipprova jipperswadiha biex ma tixhidx kontra l-mara, minħabba li din kienet se tispiċċa l-ħabs.

Il-koppja nstabet ħatja li ttraffikaw lin-nisa f’Malta u li għamlu profitt minn fuqhom permezz tal-prostituzzjoni. Instabu ħatja wkoll ta’ esplojtazzjoni fuq nisa vulnerabbli, fejn waħda minnhom kien ippruvat ukoll li għandha problemi psikoloġiċi.

Huma ma nstabux ħatja li saru reċidivi bil-Qorti tgħid li l-Prosekuzzjoni ma ġabet l-ebda prova dwar dan u fil-fatt jidher li l-kondotta tagħhom hija waħda netta.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li mill-evalwzzjoni tal-provi u l-konklużjonijiet, jirriżulta li l-imputati huma ħatja ta’ reati serjissimi, u li wara kollox huwa każ ta’ sfruttament ta’ persuni vulnerabbli bil-għan tal-qliegħ.

Dawn l-atti saru minn persuni nieqsa minn kull sens ta’ skruplu u moralità. B’mod ġenerali dwar il-piena din ma għandhiex isservi bħala forma ta’ vendikazzjoni tas-soċjetà.

Għall-kuntratju, l-għan prinċipali tal-piena għandu jkun dak li tiġi protetta s-soċjetà u li sservi bħala riforma għall-ħati nniffsu. Dawk li b’għemilhom juru li huma ta’ theddida għas-soċjetà għandhom jiġu nkarċerati u barra miċ-ċirkolazzjoni.

Sadanittant fil-każ ta’ reati ta’ ċertu gravità, s-sentenza għandha tibgħat messaġġ ċar li jservi ta’ deterrent mhux biss għall-ħati, iżda għas-soċjeta` b’mod ġenerali.

Hija f’dan is-sens funzjoni, u għalhekk r-responsabilità, tal-Qrati tal-Ġustizzja Kriminali li jagħtu piena li tilħaq bilanċ ġust bejn dawn id-diversi kriterji. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Busuttil u John Spiteri.