Lokali

Dun Anton D’Amato jinħatar Direttur tal-Kummissjoni Emigranti u Refuġjati

Minn dan ix-xahar, Dun Anton D’Amato, ġie fdat bil-ħidmiet tal-Kummissjoni Emigranti u Refuġjati. Dan wara tmexxija ta’ sbatax-il sena minn Mons Alfred Vella bħala Direttur tal-Kummissjoni Emigranti.

Dan tħabbar f’komunikat li Mons Philip Calleja, eks Direttur tal-Kummissjoni Emigranti u Fundatur ta’ Dar l-Emigrant wassal fl-okkażjoni tal-50 sena mit-tqegħid tal-Ewwel Ġebla ta’ Dar l-Emigrant fl-10 ta’ Frar, 1971, u biex fl-istess ħin  jirringrazzja lil  Mons Alfred Vella fi tmiem il-kariga tiegħu bħala Direttur tal-Kummissjoni Emigranti, u jagħti merħba lil Dun Anton D’Amato bħala s-suċċessur ta’ Mons Vella fit-tmexxija tal-Kummissjoni Emigranti.

Mons Vella issa se jkun qed iservi bħala Deputat tal-Uffiċċju taż-Żwiġijiet, fil-Kurja  tal-Arcisqof.

Nhar l-10 ta’ Frar, 2021, festa tan-Nawfragju ta’ San Pawl, hija d-data  li fiha, ħamsin sena ilu,  f’ċerimonja  li għaliha attendew l-ogħla awtoritajiet, mill-Gvernatur Ġenerali, Sir Maurice Dorman ’il isfel, tqegħdet  l-Ewwel Ġebla ta’ Dar l-Emigrant, ħdejn il-Barrakka ta’ Fuq, bil-kliem inċiż: “LILL-EMIGRANT MALTI – Imqegħda mill-Prim Ministru G. Borg Olivier u mbierka mill-Arċisqof M. Gonzi nhar l-10 ta’ Frar 1971”.

Fi stqarrija, l-Eks Direttur tal-Kummissjoni Emigranti u Fundatur ta’ Dar l-Emigrant Mons Philip Calleja qal li kienet xewqa tiegħu, bħala fundatur ta’ din id-Dar, li f’din id-data ta’ għeluq il-ħamsin sena jlaqqa’ l-membri kollha tal-Kummissjoni Emigranti  biex jirringrazzjaw lill-Mulej Alla għall-grazzja tal-ħidma mwettqa f’din id-Dar matul dawn il-ħamsin sena. Apparti dan jieħu l-opportunità biex flimkien jirringrazzja lil Mons Alfred Vella, li wara sbatax-il sena (2003-2020) ta’ tmexxija siewja mwettqa minnu bħala Direttur, issa ġie appuntat Deputat tal-Uffiċċju taż-Żwiġijiet, fil-Kurja tal-Arcisqof. Din se tkun okkażjoni biex jintroduci u jawgura lid-Direttur ġdid, Dun Anton D’Amato saċerdot żagħżugħ u lawrjat fil-Ligi, li  ġie afdat bil-ħidmiet tal-Kummissjoni Emigranti u Refuġjati sa minn dan ix-xahar.

Sfortunatament din il-laqgħa ma setgħetx issir fid-data tagħha, minħabba l-pandemija (Covid-19) li għaddejjin  minnha. Iżda ma jonqsux li niltaqgħu, meta s-sitwazzjoni tippermetti, biex niċċelebraw l-okkażjoni.      

Saħaq li kellu x-xorti jsegwi l-Ħidma mal-Emigranti sa mill-bidu tagħha fi ħdan l-Azzjoni Kattolika Maltija bil-laqgħat tal-emigranti f’Palazzo Carafa qabel isiefru u l-pubblikazzjoni ta’ Lil Hutna minn Kelinu Caruana u Dun Frans  Camilleri sa mis-sena 1950.  U fl-1953, wara li ġie ordnat saċerdot, beda jagħti servizz lill-emigranti flimkien ma’ membri tal-Azzjoni Kattolika minn kamra-uffiċċju f’Palazzo  Carafa.

Fl-1958 ġejt appuntat Direttur Nazzjonali tal-Opri tal-Emigrazzjoni mis-Sagra Kongregazzjoni Konċistorjali. B’offerta ta’ elf lira Maltin (10,000  Mark Ġermaniż)  mill-Kardinal Josef  Frings, malli Mons Salv Laspina ħalla s-swali li kien jokkupa f’Palazzo Carafa għall-Film Section u mar l-Istitut Kattoliku, stajna nokkupaw is-sular tiegħu.

L-ewwel ħaġa li għamilna kienet li stedinna lil Emvin Cremona jpinġilna xbiha tal-Madonna tal-Emigranti biex indendluha u nġorruha magħna. Hawn, il-ħidma tal-Kummissjoni splodiet kemm fil-membri kollaboraturi kif ukoll fl-attivitajiet. Kellna nibdew nużaw il-Kullegg ta’ St Albert għall-korsijiet tal-lingwa Ingliża u l-Iskola tas-Sorijiet Franġiskani ta’ Marija f’Ħal Balzan biex noperaw is-Single Young Women Migrants Scheme.

Nhar it-3 ta’ Dicembru 1972, fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni ta’ l-20 Jum l-Emigrant, bdew joperaw f’Dar l-Emigrant.                                                      

Fetġu uffiċċju għal kull forma ta’ għajnuna lill-emigranti u l-familji tagħhom, kmamar fejn jinżammu records u swali  fejn isiru laqgħat u fejn l-emigranti u l-familji tagħhom ikunu jistgħu jiltaqgħu bejniethom u jiġu mgħejjuna soċjalment u spiritwalment, qabel iħallu Malta u meta jkunu Malta.

Twaqqfu, maż-żmien, il-Maltese American Association, il-Friends of Australia Association, programmi tar-radju u arkivj li wasslu għall-bidu ta’ Migration Museum.

Il-ħidma tal-Kummissjoni f’dan il-qasam wasslet biex f’Diċembru 1987 tiġi mistiedna tidħol f’Operational Partnership mal-United Nations High Commission for Refugees, f’rabta mal-Uffiċċju tagħha f’Ruma. Dan wassal ukoll biex il-Kummissjoni jkollha l-unur li l-ewwel Kummissarju għar-Refugjati f’Malta jkun Charles Buttigieg, membru attivissmu tal-KE u biex il-Kummissjoni tkun tista’ tikseb 20 lokalità fejn jistgħu jiġu akkomodati familji (sebgħa minnhom proviżorjament).