Lokali Qorti

Erba’ xhur ħabs għal anzjan Taljan fuq abbuż sesswali fuq tifla ta’ 14-il sena

Anzjan ta’ nazzjonalità Taljana ġie kkundannat erba’ xhur ħabs mill-Qorti tal-Appell Kriminali wara li nsab ħati li abbuża sesswalment minn tfajla ta’ 14-il sena.

Carmelo Curcuruto li llum għandu 76 sena u li kien jgħix f’garaxx San Pawl il-Baħar qal li ma kienx jaf li t-tfajla kienet taħt l-età u li r-rapport kien konsenswali. Il-vittma kienet ċaħdet dan kollu u qalet ukoll li kienet qaltlu li kellha biss 14-il sena.

Huwa nstab ħati li fil-15 ta’ April tal-2017, waqt li t-tifla kienet miexja fit-triq, ħadha fil-garaxx fejn kien jgħix u abbuża minnha sesswalment. Meta tressaq il-Qorti din kienet ordnatlu biex ma jersaqx lejn l-inħawi ta’ San Pawl, bit-Taljan jispiċċa jgħix ir-Rabat.

Huwa nstab ħati li kkorrompa u wettaq atti sesswali fuq minorenni u li offenda l-morali tal-allegata vittma. Madankollu ma nstabx ħati li żamm lit-tifla kontra r-rieda tagħha

Oriġinarjament Curcuruto kien ġie kundannat sitt xhur ħabs bil-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera tnaqqasha b’xahrejn.

Fl-appell li ressaq it-Taljan qal li t-tifla qaltlu li għandha isem u età mod meta fil-fatt irriżulta li kellha isem u età differenti. Tenna li għalhekk huwa ġie ingannat minnha u li skont hu għandha ħażen aktar minnu, anke għaliex fil-mument li saru tali atti hija kienet tagħti l-impressjoni li hija żagħżugħa ta’ età adulta.

Qal li tant li huwa ħaseb li seta’ jħallasha sabiex tnaddaflu l-garaxx u kien għalhekk li ħadha tara fejn kien joqgħod f’Buġibba. Tenna li fil-mument li ġraw l-atti li huwa sejjaħ leggeri, ma kellu l-ebda u l-iċken ħjiel li qed jikser xi liġi għaliex mingħalih li l-persuna li kien fil-kumpanija tagħha, hija żagħżugħa adulta mentri kienet minorenni.

Qal ukoll li x’ġie allegat mill-minuri ma ġiex pruvat u kien biss dak li stqarr hu tul il-proċess kollu fejn dejjem kien konsistenti u onest. Huwa qal li l-piena ta’ sitt xhur ħabs hija waħda eċċessiva, u kull ma għamel kienu atti minuri.

Qal li hu ġie ingannat minnha u li qatt ma kellu każijiet preċedenti ta’ natura simili. Qal ukoll li s-saħħa fraġli tiegħu, u l-eta’ anzjana tiegħu, jekk qatt kellu jinstab ħati, l-piena kellha tkun ta’ sentenza sospiża jew inkella xogħol fil-komunità li jkun addattat għalih.

Il-Qorti semgħet kif it-tifla ta’ nazzjonalità Bulgara qalet li għall-ħabta tal-11.00a.m telqet mid-dar taghha f’San Pawl il Baħar fi Triq Luigi Preziosi u kienet sejra għand oħta li toqgħod fil-viċinanzi.

Hemmhekk viċin din ir-residenza iltaqgħet mat-Taljan u dan beda jkellimha u jgħidilha kemm hi sabiħa. F’ħin minnhom qabadha minn idejha u ġibidha lejn id-dar tiegħu. Qalet li beda jbusha u anke missielha sidirha.

Qalet li kull meta riedet titlaq kien iżommha min idejha u jgħidilha biex tistenna ftit, iżda wara rnexxilha taħrablu. Meta waslet għand oħtha, qaltiha b’dak li kien ġara.

Qalet li t-Taljan kien ta żewġ biċċiet karti, waħda minnhom b’ismu fuqha u l-oħra bin-numru tal-mobile tiegħu u l-indirizz tiegħu. Hija kienet remiet dawn il-karti iżda meta spjegat dak li kien ġara lil oħtha reġgħet marret u ġabrithom.

Is-Surġent Anton Buttigieg xehed dwar dak li ġie rapportat lilu mit-tifla meta kienet fil-kumpanija tal-ġenituri tagħha. Spjgega li qaltlu li kienet ġiet molestata minn raġel ta’ madwar 60 sena u qaltlu li beda jbusha fuq xuftejha u għonqa u anke pprova jneħħillha it-T shirt u l-qalziet tagħha.

Qaltlu iżda li qatt ma neħħa l-ħwejjeġ iżda li beda jagħfas il-parti ġentiali tiegħu ma tagħha. Il-Qorti tal-Appell qalet li t-Taljan instab ħati mill-Ewwel Qorti li huwa reċidiv.

Mill-kondotta tiegħu jirriżulta li fis-sena 1998, kien instab ħati ta’ reat tat-traffiku fejn ingħata probabtion u għalhekk ma jistax jingħad li għandu xi fedina penali maħmuġa.

Jingħad ukoll li t-Taljan illum għandu kważi 77 sena u huwa marid tant li għandu l-‘catether’. Jinsab fi stat fraġli ħafna ta’ saħħa, anke jekk mill-banda l-oħra ma jistax ma jiġix innutat li l-vitma għadha minuri u li tali esperjenza żgur li ħalliet impatt negattiv fuqha.

Il-Qorti qieset dak kollu li għamel l-appellant li huwa aġir kundannabbli, anke meta wieħed jikkunsidra d-differenza fl-eta bejnu u bejn il-vittma, pero rat ukoll li dak li għamel kien li bies lit-tifla fuq wiċċha u għonqa u li mess sidirha minn fuq il-ħwejjeġ.

Għalhekk għandu jiġi kastigat ta’ tali aġir u li żgur huwa jrid li jitgħallem iġib ruħu tajjeb fis-soċjetà. Il-Qorti għalhekk naqqset il-piena inflitta minn sitt xhur għal erba’ xhur priġunerija effettiva. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Paula Ciantar u Godwin Scerri.