Lokali

Fi tliet xhur il-Pulizija twaqqaf 7,000 vettura

Waqt spezzjonijiet li saru mill-Pulizija bejn Ottubru u Diċembru tas-sena li għaddiet, twaqqfu mas-7,000 vettura fejn inħarġu mijiet ta’ kontravenzzjonijiet għal ksur tar-regolamenti tat-traffiku, bl-iżjed komuni jkunu vetturi li ma kellhomx il-fanali jixegħlu kif suppost, vetturi mingħajr pjanċi tar-reġistrazzjoni mwaħħlin skont il-liġi u xufiera li ġew imħarrka għax ma kinux libsin iċ-ċintorin tas-sigurtà.

L-ispezzjonijiet saru mill-Pulizija tad-Distrett, tat-Traffiku, Rapid Intervention Unit, tal-Environmental Protection Unit, mis-sezzjoni tal-Klieb u tal-garaxx u anke assistiti mill-Forzi Armati ta’ Malta.

F’Ottubru saru mal-110 spezzjoni tat-traffiku. L-iktar kontravenzzjonijiet li nstabu kienu minħabba d-dawl, nuqqas ta’ ilbies taċ-ċintorin tas-sigurtà, fosthom tfal u anke minħabba li persuni nqabdu jsuqu mingħajr liċenzja, jew bil-liċenzja skaduta.

Matul dawn l-ispezzjonijiet, għaxar persuni nstabu fil-pussess ta’ droga kannabis u crushers; waqt li żewġ sewwieqa kienu qed isuqu taħt l-effett tal-alkoħol. F’vetturi oħra, il-pulizija sabet skieken, baseball bat u arma tan-nar.

F’Novembru mbagħad saru madwar 115-il spezzjoni tat-traffiku, bi 13-il persuna jinqabdu fil-pussess tad-droga. Waqt tfittxijiet li saru fil-vetturi, il-pulizija sabet ukoll persuna fil-pusses ta’ pepper spray u anke żewġ armi tan-nar.

Il-ħidma kompliet ukoll f’Diċembru, b’madwar 150 spezzjoni. Minn dawn, 14 inqabdu jsuqu taħt l-effett tal-alkohol, waqt li minn tfittxijiet li saru f’numru ta’ vetturi, il-pulizija sabet sustanza allegatament droga, grinders u oġġetti relatati malużu tad-droga.

Inħarġu wkoll akkużi kontra 13-il sewwieq li kienu qegħdin isuq b’veloċità eċċessiva u persuni mhux lebsin ċintorin tas-sigurtà.

Fi stqarrija, il-Korp tal-Pulizija qal li jinsab kommess li pajjiżna jkun sikur f’kull aspett, inkluż li jassigura l-ordni u s-sigurtà fit-toroq Maltin f’kull ħin tal-ġurnata.