Lokali Qorti

Il-Qorti tordna biex ma tixxandarx ix-xhieda tal-psikjatri li eżaminaw lil Melvin Theuma

Il-Qorti ordnat lill-membri tal-media biex ma jirrappurtawx dak li jingħad fil-Qorti minn tliet psikjatri dwar il-qagħda ta’ Melvin Thuema, u dan biex tipproteġi l-istess middleman.

Theuma kien ingħata l-proklama fil-25 ta’ Novembru, 2019 mill-President George Vella, fuq parir tal-Prim Ministru. Huwa kien talab li jingħata maħfra Presidenzjali għar-reati li wettaq, u jkun lest jipprovdi tagħrif u provi dwar il-qtil ta’ Daphne Galizia f’Ottubru tal-2017

F’awla numru 22 quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech mixli li ppjana l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-kumpilazzjoni li bdiet fil-11 ta’ Diċembru tal-2019 għadha qed tiġbor il-provi fuq il-qtil li seħħ permezz ta’ karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru tal-2017 fil-limiti tal-Bidnija.

L-Ispettur tal-Pulizija Shawn Pawney mexxa l-Prosekuzzjoni u dan peress li s-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra jinsabu fi kwarantina minħabba li xi kollegi tagħhom ittestjaw pożittiv għall-COVID-19.

L-ewwel xhieda kienu tliet psikjatri maħtura mill-Qorti fejn ingħataw il-kompitu li jirrapportaw dwar l-istat tal-middleman Melvin Theuma, li huwa x-xhud ewlieni fil-każ. Theuma kien wettaq attentat ta’ suwiċidju s-sajf li għadda.

Wara li l-psikjatri Jean Paul Giorgio, George Debono u Ethel Felice ingħataw il-ġurament biex jixhdu, l-Maġistrat Rachel Montebello ordnat li l-ebda xhieda tal-psikjatri ma tista’ tixxandar u dan biex tipproteġi l-ħajja privata tal-persuna li se jkunu qegħdin jixhdu fuqu. Madankollu l-Qorti qalet li l-ġurnalisti setgħu jibqgħu fl-awla.

Ix-xhieda tal-psikjatri ħadet biss ftit tal-minuti u qabel ma niżlu minn fuq il-pedana tax-xhieda għaddew ir-rapport tagħhom lill-Qorti. Wara l-espert Alvin Cardona ppreżenta kopji tal-hard drive li kien ingaġġat biex jirrapporta dwarha.

Jidher li huwa kien ippreżenta rikors quddiem il-Maġistrat inkwirenti li ġie miċħud, iżda baqa’ mhux ċar fhiex kien jikkonsisti. Wieħed mill-avukati difensuri ta’ Yorgen Fenech Charles, Charles Mercieca qal li d-difiża ma kinitx ġiet notifikata bl-applikazzjoni, l-istess jgħid l-Uffiċċju tl-Avukat Ġenerali.

Wara ssejjaħ biex jixhed Kenneth Camilleri, Rappreżentant tal-Bureau għall-Irkupru tal-Assi. L-avukat difensur Marion Camilleri talbet lill-Qorti biex tipprojbixxi l-pubblikazzjoni ta’ kull ma jgħid ix-xhud.

Ix-xhud ippreżenta rapport li fih lista tal-assi tal-akkużat u ħareġ mill-awla Hawn intemmet il-kumpilazzjoni. Is-seduta li jmiss hija għat-28 ta’ Jannar fid-9: 30am u jekk il-Prosekuturi tal-Pulizija ikunu għadhom fi kwarantina, din issir fit-2 ta’ Frar.

Yorgen Fenech ta’ 39 sena, li qabel ma ġie arrestat kien joqgħod Portomaso kien tressaq fit-30 ta’ Novembru tal-2019 fejn qed jiffaċċa ħames akkużi. Dik li ppromova, organiżża jew iffinanzja għaqda bil-ħsieb li jitwettqu reati kriminali, li pparteċipa b’mod attiv fl-attivitajiet kriminali tal-għaqda, li rrenda ruħu kompliċi ma’ terzi persuni bil-ħsieb li joqtlu lil Daphne Caruana Galizia, jew li jqiegħu l-ħajja tagħha f’;periklu ċar, ikkaġunawlha l-mewt.

Qed jiġi mixli wkoll li assoċja ruħu f’Malta jew barra minn Malta bil-għan li jwettaq delitt u li rrenda ruħu kompliċi ma’ terzi li dożolament, b’sustanza splussiva, wettqu splużjoni li kkaġunat il-mewt ta’ Caruana Galizia jew li setgħet tqiegħed f’periklu ċar il-ħajja ta’ ħaddieħor jew tagħmel ħsara gravi lill-ħwejjeġ ħaddieħor.

L-Avukati Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca qegħdin jidhru għal Fenech, u minbarra l-Prosekuzzjoni minn naħa tal-Pulizija, l-Prosekuzzjoni qed titmexxa wkoll mid-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia filwaqt li l-Avukat Jason Azzopardi qed jidher għall-familja tal-vittma.