Lokali

“Irrid li nħarsu lejn l-isport b’iżjed għarfien u rikonoxximent” – Bernard Grech

“Irrid li dan il-pajjiż jibda jħares lejn l-isport minn lenti differenti, b’iżjed għarfien u rikonoxximent lejn dak li l-isport jista’ jagħti lill-bniedem. Fejn inħarsu lejn l-isport ukoll bħala opportunita’ li joffri niċċa ekonomika bħat-turiżmu sportiv.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta ltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-Għaqda Ġurnalisti Sport, li ppreżentawlu diversi proposti.

Bernard Grech qal li L-isport joffri benefiċji fis-saħħa fiżika u dik mentali u jaqbel mal-proposta tal-Għaqda Ġurnalisti Sport li l-isport għandu jiġi elevat għal livell ta’ Ministeru. Prosposta oħra tal-Għaqda Ġurnalisti Sport li l-Partit Nazzjonalista jaqbel magħha hija dwar il-bżonn ta’ opportunitajiet akbar ta’ secondment għal persuni li jixtiequ jimirħu fl-isport. Dan ikun mezz ta’ għajnuna diretta fil-qasam li jista’ jiftaħ orizzonti ġodda għal atleti u għal persuni oħrajn li jaħdmu fil-qasam tal-isport, fosthom ukoll il-ġurnalisti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għamel referenza għall-każ tal-footballer Maltija Maya Lucia u kkundanna kull forma ta’ diskriminazzjoni marbut mal-kulur tal-ġilda.

Min-naħa tiegħu, l-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sport Sandro Micallef tkellem dwar proposti oħrajn fosthom li jiżdiedu l-finanzi f’dan il-qasam, li jsiru sforzi biex id-diversi assoċjazzjonijiet sportivi li bħalissa jinsabu sparpaljati jingħaqdu, u li l-Għaqda tingħata sit li kien imwiegħed lilhom u li l-proċess dwaru twaqqaf ħesrem mill-Gvern. Is-Segretarja Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sport Lorraine Cunningham spjegat kif dan is-sit huwa maħsub li jkun jiġbor fih mużew ta’ memorabilja ta’ personalitijiet sportivi Maltin tal-passat u tal-preżent.

Matul din il-laqgħa, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, l-Isport tul Ħajjitna, l-Volontarjat u l-Ġlieda kontra l-Obeżità Robert Cutajar, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, l-Kultura u l-Midja Therese Comodini Cachia u mill-President ta’ Tim Sport PN Chris Micallef.