Lokali Parlament

It-trasparenza għandha tibqa’ b’saħħitha fil-Qorti tal-Appell

Carm Mifsud Bonnici, PN

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici sostna lit-tneħħija tat-trattazzjoni u l-introduzzjoni tas-sistemi li qed jipproponi l-gvern dwar kif isiru l-kawżi fil-Qorti tal-Appell se jwasslu biex titneħħa l-priċipju baċiku u essenzjali tat-trasparenza f’din il-Qorti.

Fil-parlament Carm Mifsud Bonnici qal li l-Qorti tal-Appell għandha ħafna xogħol b’lura u żied li l-proposti huma li titneħħa t-trattazzjoni, jinbidel il-metodu tal-garanzija tal-appell titħallas u li tkun introdda mill-ġdid in-nota tal-appell.

Hu qal li n-nota tal-verbali hi neċessità u sostna li n-nies ma jappellaw bla raġuni għaliex hemm diversi spejjeż. Mhux minnu li l-avukati jagħmlu appelli bla kuxjenza għaliex is-sentenzi fil-qrati tal-maġistrati huma studjati u voluminużi u għalhekk l-appelli jirrikjedu studji profondi.

It-tneħħija tat-trattazzjoni mhux se ssolvi l-appelli pendenti għaliex kull parti tista’ terġa’ tagħmel nota ta’ sottomissjonijiet; li tfisser żieda ta’ karti. Din hi inġustizzja, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li hemm diġà spejjeż kbar fil-Qorti tal-Appell li jaqtgħu qalb in-nies milli jappellaw.

L-imħallfin jistgħu ukoll jiżbaljaw fis-sentenzi u għalhekk għandu jkun hemm mekkaniżmu ta’ korrezzjoni iżda t-tneħħija tat-trattazzjoni mhix is-soluzzjoni għaliex hemm min jagħmel in-noti ta’ osservazzjoni fit-tul. Dawn il-proposti se jwasslu għal iktar dokumenti quddiem il-qorti.

Mifsud Bonnici qal li s-sistema se ssir iktar perikoluża u dragonjana minħabba l-garanziji tal-appell fejn issa se jkunu esklużi ‘l barra lil min li jħossu li saret inġustizzja magħhom.

Il-kawża hi tal-partijiet u jekk iċ-ċittadin iħossu li għandu jappella jrid ikun assigurat li dan l-appell isir. Hu qal li mil-liġi se jitneħħa d-dritt li bniedem jaf li l-każ qed ikun kunsidrat, saret it-trattazzjoni u se tingħata s-sentenza.

Bil-proposti issa se jkun hemm forma ta’ mekkaniżmi meta u kif jingħataw is-sentenzi tal-kawżi; din il-liġi qed tneħħi t-trasprenza neċessarja fejn iċ-ċittadin se jħoss li ma ngħatax ir-rimedji; dan imur kontra l-ispirtu tas-sistema ġuridika Maltija. Is-sistema kif inhi llum hi tajba għalkemm jista’ jkun hemm titjib.

M’għandniex immorru għal soluzzjoni li mhix trasparenti u li żżid iktar is-suspetti, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-Qorti tal-Appell m’għandhiex tiddeċiedi weħidha mingħajr kriterju ta’ għarbiel.

Is-sistema se tkun magħmula biex ikun hemm suspetti, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li fin-Nota tal-Appell l-avukati jkollhom tferfir u fil-fatt ma jittieħed xejn minnha.

In-Nota tal-Appell għandha titneħħa għax hi odjuża, appella d-deputat Nazzjonalista, li kompla li fil-qorti hemm rabja kbira minħabba li l-avukati se jsiru qishom skrivani wara skrivanija għaliex se titneħħa t-trattazzjoni. Din hi liġi li tagħmel ħsara lis-sistema ġuridika Maltija, sostna Carm Mifsud Bonnici.