Internazzjonali

L-Italja: Isalva l-Gvern ta’ Conte wara vot ta’ fiduċja

Il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte, rebaħ bi ftit vot ta’ fiduċja fis-Senat ( il-Kamra ta’ Fuq tar-Rappreżentanti) , b’dan ir-riżultat ifisser li hu se jkompli jmexxi l-Italja minkejja li t-tluq ta’ partit żgħir mill-koalizzjoni fraġli ta’ Ruma.

Dan, fil-fatt, kien tieni vot ta’ fiduċja wara li Conte, nhar it-Tnejn, rebaħ mozzjoni oħra simili fil-Kamra t’Isfel tal-Parlament. Li kieku tilef wieħed minn dawn il-voti, Conte kien ikollu jirriżenja — bil-futur tal-Italja jispiċċa suġġett għal aktar inċertezza.

Skont l-ewwel għadd tal-voti ( fuq livell informali) Giuseppe Conte rebaħ b’153 vot kontra 140 fis-Senat ta’ 321 membri. Il-marġni tar-rebħa kienet anqas milli stennew l-alleati politiċi tal-Prim Ministru — minbarra li anqas sew mill-161 vot meħtieġa għal maġġoranza assoluta.

Madankollu, ir-riżultati għadhom mhumiex uffiċjali u mhux eskluż li ċ-ċifri finali jistgħu jinbidlu xi ftit.

Sadanittant, jidher li l-membri tas-Senat iddeċidew li jirrispettaw is-sejħa ta’ Conte għal ‘stabbilità’ fi żmien meta l-Italja qed tikkonfronta l-isfidi bla preċedent waqt il-pandemija tal-coronavirus.