Lokali Parlament

Mekkaniżmu korrettiv tas-sessi hija meħtieġa għall-bilanċ bejn in-nisa u l-irġiel fil-Parlament – NCPE

Fil-kuntest tad-dibattitu li għaddej bħalissa dwar ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE) tenfasizza li l-mekkaniżmu korrettiv bejn is-sessi huwa biss element wieħed mir-riformi meħtieġa biex jinkiseb Bilanċ bejn in-Nisa u l-Irġiel fil-Kamra tad-Deputati. Tali riformi jirrikonoxxu l-ħtieġa li l-ostakli strutturali għall-parteċipazzjoni politika li jiffaċċjaw in-nisa jiġu indirizzati u jiddefinixxu diversi inizjattivi meħtieġa biex jintlaħaq dan il-għan. Peress li l-allokazzjoni ta’ siġġijiet Parlamentari addizzjonali tibda meta s-sess sottorappreżentat jikseb perċentwal ta’ inqas minn 40%, dan il-mekkaniżmu ma jkunx meħtieġ kieku l-partiti politiċi u l-istituzzjonijiet ikunu aktar effettivi biex iżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika bħal pereżempju, jeleġġu aktar nisa f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija u f’organizzazzjonijiet interni fi ħdan il-partiti nfushom u b’hekk il-partiti jkunu jistgħu joħorġu listi ta’ kandidati bbilanċjati bejn in-nisa u l-irġiel.

Rigward il-proposta li qed tiġi diskussa bħalissa fil-Kamra, xi wħud qed jargumentaw li l-partiti politiċi u l-gvern għandhom jindirizzaw din il-kwistjoni b’mezzi oħra aktar milli b’mekkaniżmu korrettiv kif qed jiġi propost. Huwa interessanti li wieħed jinnota li matul dawn l-aħħar 70 sena li matulhom il-partiti politiċi u l-Gvern kellhom l-opportunità li jieħdu azzjoni u, riċentament, minkejja diversi sejħiet mill-NCPE u l-NGOs li jaħdmu fil-qasam tal-ugwaljanza, huwa biss issa li ngħatat attenzjoni b’saħħitha minn mezzi differenti tal-midja. Qabel, ftit ilħna semmgħu leħinhom dwar il-bidla importanti li kullħadd kien jagħraf il-ħtieġa tagħha. Jista’ jkun li din hija waħda mill-kisbiet tar-riforma proposta.

Minkejja dan, id-dibattitu li għaddej bħalissa jeħtieġ li jagħmel ħafna iktar enfasi fuq il-fatt li l-parteċipazzjoni baxxa tan-nisa fil-politika ġejja minn inugwaljanzi storiċi u strutturali li jiżvantaġġjaw lin-nisa, inklużi sterjotipi tan-nisa u l-irġiel migfruxin, nuqqas ta’ kundizzjonijiet li huma favur il-familja u sfera politika ddominata mill-irġiel. Ir-Riforma dwar il-Bilanċ bejn is-Sessi fil-Parlament tressaq proposti lil diversi partijiet ikkonċernati, inklużi lill-partiti politiċi, biex jindirizzaw dawn l-ostakli u jinvolvu aktar nisa fil-politika.

Filwaqt li tirrikonoxxi l-miżuri adottati mill-partiti politiċi biex iżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika, matul dawn l-aħħar snin, l-NCPE ressqet rikmandazzjonijiet sabiex tgħin lill-partiti politiċi jindirizzaw il-fatturi li jagħmlu l-politika mhux daqstant attraenti għan-nisa, inklużi:

  • Li tipprova tattira n-nisa lejn l-isfera politika u billi tipprovdi aktar strutturi fi ħdan il-partiti li huma favur il-familja;
  • L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru fl-operat kollu tal-partit, inkluż fix-xogħol, fil-politiki u fl-istrutturi tagħhom;
  • L-evitar tal-isterjotipi abbażi tal-ġeneru u l-isforz attiv biex in-nisa jkunu rappreżentati fl-oqsma kollha tal-politika u l-livelli tal-partit;
  • L-iżgurar li r-riżorsi meħtieġa, inklużi dawk finanzjarji, ikunu disponibbli għan-nisa għal kampanji effettivi u xogħol ieħor;
  • L-iżgurar li n-nisa jingħataw slots adegwati biex jitkellmu f’avvenimenti pubbliċi u dehriet fil-midja.

Ir-Riforma dwar il-Bilanċ bejn is-Sessi fil-Parlament tirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa li jiġi riformat l-operat tal-Parlament permezz ta’ Pjan Strateġiku dwar l-Ugwaljanza abbażi tal-Ġeneru li jħares lejn fatturi bħall-ħin tas-seduti Parlamentari, il-possibbiltà li jkun hemm Membri Parlamentari full-time u l-provvediment ta’ faċilitajiet għall-kura tat-tfal għall-Membri Parlamentari. L-Ispeaker ħabbar li ġie identifikat post għal childcare centre għall-Membri Parlamentari li huma ġenituri. L-NCPE tawgura li ċentru bħal dan jinfetaħ fil-futur qarib.

Iżda aktar importanti minn hekk, is-soċjetà tagħna, inklużi nies f’pożizzjonijiet importanti, għandhom jisfidaw l-istatus quo attwali li ngħixu fih – status quo patrijarkali li jonqos milli jagħti kredenza lill-kapaċitajiet ippruvati tan-nisa kemm fil-ħajja pubblika kif ukoll fil-ħajja privata, iżda pjuttost ikompli jimbotta ‘l quddiem l-istampa tradizzjonali tan-nisa fis-soċjetà tagħna.

L-NCPE ttenni li l-parteċipazzjoni baxxa persistenti tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi toħloq demokrazija mhux kompluta fejn nofs il-popolazzjoni hija konsistentament sottorappreżentata b’mod nieqes ħafna. Huwa meħtieġ sforz koordinat minn atturi differenti u f’livelli differenti biex jitneħħew l-ostakli soċjali li jżommu lin-nisa ‘l bogħod mill-politika. Jekk Malta tirnexxi f’dan l-isforz, il-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru lanqas ikun meħtieġ.