Lokali

Min joħroġ għonqu għal Joseph Muscat u min ifarfar fuq l-eks Prim Ministru

Min ifarfar mill-eks Prim Ministru u min joħroġ għonqu għalih – Hija din is-sitwazzjoni preżenti fil-kamp Laburista wara d-dikjarazzjonijiet li għamel Joseph Muscat tul ix-xhieda tiegħu fil-Qorti, meta taħt ġurament kien qed iwieġeb dwar l-iskandlu fid-deal tal-bejgħ tal-isptarijiet lil Vitals u Steward.

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat, kien qed jixhed fil-kawża li fetaħ l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Fil-Qorti, Joseph Muscat qal li l-Kabinett li kien imexxi kien jaf b’kollox dwar dan il-kuntratt, tant li ddiskutieh xejn anqas minn 12-il darba fuq livell Ministerjali.

Mistoqsi minn Net News, il-Ministru Owen Bonnici, iddefenda dak li qal Joseph Muscat iżda fl-istess waqt, ammetta li l-affarijiet setgħu saru aħjar.

Minn naħa l-oħra, il-Ministru Justyne Caruana, li wkoll kienet parti mill-Kabinett, farrfret milli tagħti raġun jew tgiddeb lil Joseph Muscat. Il-Ministru Caruana, elett mit-13-il Distrett, ma kinitx taf twieġeb kemm sar investiment f’termini ta’ fondi minn Vitals u Steward fl-Isptar Ġenerali t’Ghawdex.

Intant, fi żviluppi oħra, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech ressaq ilment ma’ TVM u mal-Awtorita’ tax-Xandir wara li fil-bulettin tal-ahbarijiet ma saret l-ebda referenza għal din il-kawża li qed tinstema’ fil-Qorti dwar il-bejgħ ta’ tliet sptartijiet pubbliċi, liema kawża kienet inbdiet mill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Dan meta fl-istess kawża xehed l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

TVM naqas ukoll milli jxandar l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista maħruġa fl-istess jum minn Adrian Delia dwar l-istess suġġett.

Dan in-nuqqas ħoloq sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ imparzjalità mill-istazzjon nazzjonali u żbilanċ kontra l-Partit Nazzjonalista dwar tema li hija ta’ kontroversja politika kurrenti…bix-Xandir jonqos milli jagħti lill-poplu servizz ta’ aħbarijiet oġġettiv, fattwali u komplut.