Lokali

Tnaqqis fid-donazzjonijiet tad-demm minħabba l-biża’ tal-pandemija

■ 15,206 persuni taw id-demm matul is-sena li għaddiet

■ Ir-rispons tan-nies fi żmien il-festi jawgura tajjeb għas-sena 2021

Storja ta’ Joe Cassar

Il-pandemija COVID-19 tista’ tgħid li prattikament laqtet kull settur ta’ ħajjitna matul is-sena li għadha kemm intemmet. Għal diversi raġunijiet, l-aktar dik tal-biża’ mill-infezzjoni, sfortunatament, Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm fi Gwardamanġa rreġistra tnaqqis ta’ 2,496 donatur tad-demm meta komparat mas-sena ta’ qabel.

Madankollu, Tony Micallef, infermier sinonimu mad-donazzjoni tad-demm, magħruf biżżejjed għal kemm jippromwovi l-għoti tad-demm b’kull mezz possibbli, l-aktar permezz tas-sehem tiegħu fuq kull mezz ta’ komunikazzjoni f’pajjiżna, jibqa’ ottimist u jippreferi jħares lejn dak li hu pożittiv.

Qalilna li matul is-sena 2020 kien hemm 18,451 darba li nies resqu biex jagħtu d-demm, li finalment minnhom irriżulta li effettivament taw id-demm 15,206. Dawn kienu maqsuma hekk: 10,154 irġiel u 5,052 nisa. Jirriżulta wkoll li 1,178 persuna taw id-demm għall-ewwel darba.

Dawn in-numri juru li komparat mas-sena 2019, l-2020 ġabet tnaqqis ta’ 2,496 reġistrazzjoni u effettivament tnaqqis ta’ 1,184 donazzjoni. Meta wieħed iqabbel ukoll l-ammont ta’ dawk li taw id-demm għall-ewwel darba jirriżulta li f’sena sħiħa kien hemm tnaqqis ta’ 138.

Wieħed jista’ faċilment jasal għall-konklużjoni li dan it-tnaqqis kien kawżat minħabba l-inċertezzi u l-biża’ li nisslet fost għadd ta’ nies il-pandemija, speċjalment in-nuqqas ta’ għarfien li kien hawn fl-ewwel xhur li infiltrat f’pajjiżna. Biża’ li wassal biex anki nies li ilhom snin jagħtu d-demm regolarment, din is-sena baqgħu lura, għallinqas numru minnhom.

Staqsejt lil Tony jekk minkejja dan it-tnaqqis irnexxilhomx ilaħħqu mad-domanda għad-demm mill-isptarijiet. Qalilna li anki minħabba l-fatt li saru inqas operazzjonijiet milli normalment isiru, u għalhekk inqas sejħiet urġenti għad-demm, “matul is-sena kampajna sewwa mad-domanda għad-demm mill-isptarijiet ta’ Malta u Għawdex.”

Tony xtaq jieħu l-okkażjoni biex iserraħ moħħ in-nies li bil-miżuri ta’ mitigazzjoni li kienu u għadhom qed jittieħdu, huwa sikur li wieħed jersaq u jagħti d-demm. Bi tbissima qalli li huwa iktar ‘safe’ minn meta wieħed imur jixtri f’xi supermarket jew ħanut ieħor! Hu fakkar ukoll li l-pandemija ġabet iktar restrizzjonijiet biex wieħed jagħti d-demm… u dan ħalla l-effett tiegħu wkoll.

Kif kienet is-sitwazzjoni fil-jiem tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena… in-nies ikkonkorrew jew baqgħu ġewwa?

Ir-risposta ta’ Tony Micallef kienet pjuttost sorpriża. “Il-jiem tal-Milied kienu tajbin ħafna.” Qal li fil-fatt matul Diċembru li għadda kien hemm 1,805 reġistrazzjoni li minnhom taw id-demm 1,535. Irriżulta wkoll li matul Diċembru kien hemm 114-il donazzjoni minn donaturi li taw id-demm għall-ewwel darba (38 fl-ewwel 15-il jum ta’ Diċembru u 76 fl-aħħar 16-il jum).

Kif qed iħares lejn is-sena l-ġdida Tony Micallef u l-kollegi tiegħu fis-Servizz Nazzjonali għat-Trasfużjoni tad-Demm?

Tony, bħal kulħadd, jittama f’sena aħjar. “Wara s-suċċessi fil-ġbir ta’ fondi għall-Istrina u għad-Dar tal-Providenza, u wara l-wasla tat-tilqima kontra l-COVID-19 f’pajjiżna, nistgħu ngħidu li bdejna s-sena l-ġdida b’ottimiżmu. Wieħed jittama li l-2021 twassalna għall-ħajja li konna mdorrijin ngħixu qabel, fejn inkunu nistgħu nitħalltu ma’ xulxin bla biża’, nieħdu b’idejn xulxin u ngħannqu lil xulxin. Nittama fi żmien meta nerġgħu nimxu barra mingħajr maskri u meta n-nies jerġgħu jkunu iktar ġenerużi fl-isbaħ rigal li nistgħu nagħtu lil xulxin – l-għotja tad-demm.”

Tony qalli li waħda mix-xewqat tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm għas-sena 2021 hi li għall-okkażjoni tal-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm (14 ta’ Ġunju) jerġa’ jkun possibbli li ssir iċ-ċerimonja tal-għoti tar-rikonoxximent Ħajr lid-Donaturi tad-Demm taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta George Vella. Ċerimonja prestiġjuża li ilha issir sa mill-2015, u li minħabba l-pandemija, fis-sena 2020 ma saritx. F’din iċ-ċerimonja madwar għoxrin donatur tad-demm ikunu rikonoxxuti għad-donazzjonijiet tad-demm li jkun għamlu, 100 donazzjoni jew aktar fil-każ tal-irġiel, u 50 donazzjoni jew aktar fil-każ tan-nisa.

Altrimenti, kompla, l-isfida li jinġabru madwar 50 borża demm kuljum se tibqa’ hemm f’kull jum tas-sena 2021.

Għaldaqstant, f’isem il-morda, u f’isem is-Servizz għat-Trasfużjoni tad-Demm, Tony jappella biex l-għoti tad-demm jibqa’ għaddej b’mod regolari matul is-sena kollha biex b’hekk tkun assigurata provvista ta’ demm għall-inċidenti li jseħħu, għall-morda bil-kanċer, għal dawk operati, u għal tant każi oħra fejn il-morda, inkluż tfal żgħar, jiġu bżonn trasfużjonijiet ta’ demm, pjastrini – u f’ċerti każi plażma – biex tkun salvata ħajjithom.

Informazzjoni dwar l-għoti tad-demm tista’ tinkiseb minn:

Sit elettroniku: www.blood.gov.mt

Indirizz elettroniku: customercare.nbts@gov.mt

Facebook: www.facebook.com/bloodmalta

Mobile App: Blood Donors MT

Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa: 21234767

Linja tal-mobile: 79307307

Freephone: 8007 4313

Il-Berġa tax-Xewkija: 2155 6461

F’Malta, id-demm jista’ jingħata fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, inkluż festi pubbliċi, mit-8am sas-6pm. Wieħed jista’ jżur ukoll il-Mobile Blood Donation Unit li b’mod skedat idur il-postijiet tax-xogħol u pjazez fl-irħula madwar Malta.

F’Għawdex wieħed jista’ jagħti d-demm fil-Berġa tax-Xewkija, li tkun disponibbli għall-għoti tad-demm Ħadd iva u Ħadd le mit-8am sas-1pm, u nhar ta’ Tlieta iva u nhar ta’ Tlieta le mis-1pm sal-5pm.