Internazzjonali

Tuneżija: Mijiet ta’ arrestati fost il-protesti vjolenti f’Tunis u bliet oħra

Il-Pulizija fit-Tuneżija qalu li arrestaw ‘il fuq minn 600 persuna fi żmien ta’ tensjoni kbira karatterizzat mill-konfronti bejn iż-żgħażagħ bla xogħol u l-membri tal-qawwiet tas-sigurtà.

L-aħħar inċidenti seħħew waqt ir-raba’ lejl konsekuttiv ta’dimostrazzjonijiet vjolenti u fejn il-folol – fil-parti kbira żgħażagħ – inġabru fiċ-ċentru ta’ Tunis fejn bdew iwaddbu l-ġebel u bombi tal-petrol lejn il-pulizija. Dan waqt li l-qawwiet tas-sigurtà irritaljaw bl-isparar tal-ilma u l-gass tad-dmugħ fuq id-dimostranti.

It-Tuneżija qed tiffaċċja problemi ekonomiċi kbar fi żmien meta madwar terz taż-żgħażagħ fil-pajjiż huma qiegħda. Il-kriżi ekonomika f’dan il-pajjiż Afrikan kompliet taqleb għall-agħar fost l-impatt tal-pandemija tal-Covid-19.

L-aħħar inkwiet, f’Tunis, qed iseħħ kważi għaxar snin wara r-rewwixta storika fit-Tuneżija li kienet l-ewwel ‘kapitlu’ fit-triq lejn id-demokrazija.

Din ir-rewwixta kienet xprunat aktar rewwixti f’numru ta’ pajjiżi  ( ġirien tat-Tuneżija) madwar ir-reġjun u meta dan il-perjodu storiku se jibqa’ magħruf bħala r-Rebbiegħa Għarbija. Intant, baqgħu mhumiex realizzati t-tamiet li r-Rebbiegħa Għarbija u l-bidliet demokratiċi sussegwenti kienu se jwasslu għal aktar impjiegi u opportunitajiet għaż-żgħażagħ fit-Tuneżija.

Minbarra l-inċidenti vjolenti f’Tunis, seħħew ukoll il-konfronti bejn id-dimostranti u pulizija fl-ibliet ta’ Kasserine, Gafsa, Sousse u Monastir.