Lokali Saħħa

Bżonn ta’ trasparenza dwar il-ftehim tal-isptarijiet – Editorjal MaltaToday

Il-Gvern ghandu jipprovdi trasparenza assoluta fil-kuntratt li bih amministrazzjoni Laburista rabtet tlett sptarijiet tal-pubbliku Malti ghand il-barrani – dan qabel mal-Kabinett ta’ Abela iberbaq aktar flus minn but iċ-ċittadini.

Hekk intqal fl-Editorjal fil-ħarġa tal-Erbgħa tal-ġurnal Malta Today, bid-deal li ntlaħaq oriġinarjament ma’ Vitals Global Healthcare mill-Gvern Laburista jigi deskritt bħala deal ħażin ħafna – deal ikkundannat ukoll mill-Awditur Ġenerali, fejn saħansitra insista li l-kuntratt kellu jiġi skwalifikat – bl-Editur jghid li huwa ta’ importanza massima li l-iżbalji li saru ma jerġgħux jirrepetu ruħhom, u li l-interessi tal-poplu jiġu l-ewwel u qabel kollox.

Il-kuntratt li ntlaħaq mal-VGH, gie deskritt bħala falliment totali – minkejja l-mossi kollha minn naħa tal-Uffiċċju tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat sabiex l-isptarijiet jispiċċaw f’idejn Vitals.

Dan il-konsorzju, li ma kellu l-ebda idea kif tmexxi sptar, inevitabbilment ikkollassa u biegħ l-isptarijiet lil Steward Healthcare 21 xahar wara li ffirma l-kuntratt.

Waqt dan kollu – il-Gvern Malti spiċċa ħallas lil VGH €70miljun fis-sena għas-servizz li ma rajna xejn minnu – bil-ġurnal jisħaq li Muscat innifsu żvela li preżentament il-Gvern ta’ Abela qed iħallas €64,000 kuljum lil Steward minn but il-poplu – biċ-ċifra mistennija titla’ għal €250,000.

Bil-ftehim li intlaħaq, il-Gvern Laburista intrabat li ġaladarba joħroġ mill-kuntratt ikollu jħallas €100miljun lil Steward, kif ukoll kull dejn li l-kumpanija Amerikana għandha.

Preżentament, bħal ma żvela wkoll il-ġurnal il-mument, il-Prim Ministru Robert Abela għaddej b’diskussjonijiet godda dwar dan id-deal skandaluz – ghalkemm id-domanda tibqa’ wahda, x’se jsir mill-miljuni kollha imberbqin għalxejn?