Internazzjonali

Covid-19: Il-vaċċin tal-Pfizer jista’ iżid b’20 darba l-antibodies – waqt li jwaqqaf it-trasmissjoni tal-marda

It-tilqima tal-Pfizer-Biontech għal kontra l-coronavirus kapaċi jżid l-antibodies fil-ġisem b’massimu ta’ 20 darba – u ladarba persuna tingħata t-tieni doża tal-vaċċin. L-indikazzjonijiet huma inkoraġġanti fil-ġlieda kontra l-virus qattiel u r-riċerka ġdida uriet ukoll li din it-tilqima partikulari tista’ twaqqaf lin-nies milli jgħaddu dan il-virus lil ħaddieħor.

Ix-xjenzati, qabel, kienu jafu li tilqima b’dan il-vaċċin tevita sitwazzjoni fejn in-nies jiżviluppaw l-aktar sintomi serji tal-coronavirus. Intant, u proprju sal-aħħar sigħat, ma kienx ċar jekk it-tilqima partikulari setgħetx twaqqaf it-trasmissjoni minn persuna infettata għal persuna oħra.

Waqt il-provi tal-vaċċin tal-Pfizer, it-tilqima nstabet li kienet 95 fil-mija effettiva bħala mezz biex iwaqqaf lin-nies milli jimirdu bil-Covid-19 – u wara li huma jkunu tlaqqmu darbtejn bih. Sadanittant, ir-riċerka li saret f’Iżrael issa sabet li ladarba n-nies ikunu ngħataw iż-żewġ dożi tal-vaċċin tal-Pfizer huma ma jkunux aktar f’pożizzjoni li jiċċirkolaw il-virus qalb in-nies.

Fi żviluppi oħra, il-Gvern tal-Olanda qed jintroduċi l-ewwel curfew effettiv għall-pajjiż kollu miż-żmenijiet tat-Tieni Gwerra Dinjija. Dan meta l-pajjiż diġà qed jimplimenta sistema ta’ lockdown riġidu f’tentattiv biex irażżan kemm jista’ il-firxa tal-varjanti ġodda tal-coronavirus.

L-iskejjel u l-ħwienet mhumiex essenzjali fl-Olanda ilhom magħluqin minn Diċembru wara l-għeluq, xahrejn qabel, tal-bars u r-ristoranti – bil-lockdown se jibqa’ fis-seħħ sad-9 ta’ Frar,

Fi żviluppi oħra, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għandhom ‘jissinkronizzaw’ il-miżuri relatati mal-vaċċini kontra l-Covid-19 waqt li sostniet li l-pajjiżi jistgħu jeħtieġu r-restrizzjonijiet addizzjonali.

Madankollu, von der Leyen qalet li l-pajjiżi mgħandhomx sempliċimernt jagħlqu l-fruntieri biex iżommu l-każi ta’ infezzjoni baxxi kemm jista’ ikun. Hi, waqt diskors lill-Parlament Ewropew, qalet li l-għeluq totali tal-fruntieri ma jagħmilx sens u m’għandux ikun effettiv daqs miżuri relatati ma’ pjan speċifiku.