Għaldarboħra fi żmien 24 siegħa f’pajjiżna kien irreġistrat numru għoli ta’ każi ġodda tal-virus – 187 każ ġdid bejn it-Tlieta u l-Erbgħa.
Din iċ-ċifra ttella’ għal 16, 135 in-numru totali ta’ persuni li ħadu l-virus f’Malta sa mill-bidu tal-pandemija.
Fl-istess perjodu ta’ ħin fiequ 189 persuna biex issa huma 13,054 dawk il-persuni li fiequ. Numru li qed ikompli jiżdied ma’ kull ġurnata li tgħaddi.
Dan kollu tħabbar fmill-Ministeru għas-Saħħa, fejn ġie mħabbar ukoll li fl-aħħar 24 siegħa tilfu ħajjithom mara u raġel ta’ 79 u 91 sena rispettivament, fl-Isptar Mater Dei kawża tal-Covid-19. Dan ifisser li l-vittmi issa żdiedu għal 244 – 8 fatalitajiet fl-aħħar ħamest ijiem.
Ta’ min jiġi nnotat li l-Ministeru għas-Saħħa ma ħareġ ebda informazzjoni pubblika dwar it-3 fatalitajiet imħabbra tul tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
Dan ifisser li l-persuni attivi jammontaw għal 2,831.
Mill-200 każ imħabbar tul il-jum tat-Tlieta, bħal jiem preċedenti, ma ngħata ebda dettall minn fejn jew mingħand min dawn il-persuni ttestjaw pożittiv u wisq inqas kemm minnhom kienu sporadiċi.
Dan filwaqt li l-pubbliku ġie infurmat li s’issa tqassmu 14, 276 tilqim f’pajjiżna; 1,274 fl-aħħar 24 siegħa.
Madanakollu mhux ċar kemm minnhom huma vaċċini tat-tieni doża.
Dawn iċ-ċifri huma dawk ippubblikati mill-Ministeru tas-Saħħa li ta’ kuljum joħroġ iċ-ċifri tiegħu. Madankollu rapporti fil-media lokali qed jgħidu li dawn iċ-ċifri ma jinkludux riżultati pożittivi li jista’ jkollhom kliniċi privati li wkoll qed jagħmlu dawn it-testijiet.