Ebda kundanna minn naħa tal-Ministru Laburista responsabbli mill-Ambjent, Aaron Farrugia, meta mistoqsi jekk dan il-Gvern hux vera li huwa wieħed li jisma’ lin-nies, b’mod partikolari lill-bdiewa Qriema li arthom tinsab taħt mannara.
Dan wara li matul ix-xahar ta’ Diċembru sar magħruf li Infrastructure Malta qed tħejji pjan ta’ proġett ieħor ta’ bini ta’ toroq; proġett imfassal mill-aġenzija tal-Gvern, sabiex tgħaddi romblu minn fuq art agrikola ħalli ssir flyover ġdida fil-bypass tal-Imrieħel.
F’diskors li ghamel l-Erbgha filghodu, Aaron Farrugia sostna li l-Gvern Laburista qed jibdel il-kwalità tal-ħajja tan-nies – minkejja li bdiewa Qriema saħqu li dan il-proġett ser ikun sentenza tal-mewt għal waħda mill-ftit meded ta’ art li fadal li jservu ta’ pulmun għal din il-lokalità.
Mistoqsi jekk dan il-Gvern hux qed jisma’ l-karba tal-bdiewa li qed iħabbtu wiċċhom ma’ din it-theddida, Aaron Farrugia insista li dan il-proġett għadu ma ġiex preżentat għal permess… u farfarha fuq l-Awtorità tal-Ippjanar.
Għaldaqstant ir-residenti flimkien mal-bdiewa għadhom mingħajr tweġiba ….bid-dubji jibqgħu jekk għal darb’oħra l-Gvern ta’ Abela hux ser ikun qed jinjora l-appelli tagħhom u jagħti daqqa oħra lill-art agrikola bħal ma’ seħħ bil-proġett tas-Central Link.
//= $special ?>