Lokali Parlament

Il-Gvern irreaġixxa tard quddiem it-traġedji fil-kostruzzjoni

Kevin Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista qal fil-parlament li l-Gvern irreaġixxa tard quddiem it-traġedji fil-kostruzzjoni.

Kevin Cutajar qal li li l-pajjiż missu ilu li ħaseb għat-twaqqif ta’ Awtorità u sostna li l-industrija tal-kostruzzjoni hi importanti u għandha tkun sostnuta iżda m’għandhiex tkun minfuħa f’livell inkontrollabbli. Il-Gvern għandu fissazzjoni li jimporta bla limiti numru kbir ta’ ħaddiema barranin; dan ifisser biss cheap labour.

Id-deputat Nazzjonalista qal li dan hu skjavitu modern b’kundizzjonijiet inaċċettabbli u f’kundizzjonijiet ta’ periklu għalihom. Hu qal li qed isir anki distinzjoni bejn ħaddiema Maltin li jmutu fuq il-lant tax-xogħol u ħaddiema barranin li wkoll imutu waqt xogħlhom.

Dan hu kollu frott tal-politika żbaljata li attwa l-Gvern, sostna Kevin Cutajar, li tkellem dwar in-nqqasijiet fl-infurzar fl-istandards. Hu qal li ma kienx hemm investiment biżżejjed fil-ħaddiema Maltin u sostna li l-ħaddiema Maltin qed jirrifjutaw li jaħdmu f’ċertu xogħlijiet minħabba li m’hemmx kundizzjonijiet tajbin.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li dawn in-nuqqasijiet qed iwasslu għal abbużi, inċidenti u traġedji. Il-Gvern iċċaqlaq tard biex jipprova jirregolarizza s-sitwazzjoni. Hu kkritika l-mod qed jinbnew torrijiet u binjiet enormi fil-pajjiż tant żgħir bħal Malta.

Ir-riskji li kien hemm fis-settur tal-kostruzzjoni xorta għadhom hemm, sostna Kevin Cutajar, li kkritika lill-Gvern għall-fatt li r-rapport dwar miżuri għal-riforma fis-settur tal-kostruzzjoni għadu mhux pubblikat. Dan il-pajjiż qed jitolbu l-pajjiż kollu inkluż il-vittmi tat-traġedji li seħħu fis-ettur tal-kostruzzjoni.

Dan ir-rappot mgħandu l-ebda konnessjoni mat-traġedja ta’ Miriam Pace għaliex dwar dan hemm l-inkjesta għaddejja. Dan hu Gvern inkompetenti; għaliex il-Gvern qed jaħbi dan ir-rapport?, irrimarka Kevin Cutajar, li kompla li fl-avviż legali sar bl-għaġġla fejn il-problemi ma kienux indirizzati tant li l-inċidenti baqgħu iseħħu. Kieku t-traġedja ta’ Miriam Pace seħħet waqt li jien kont fil-Gvern, kont nirriżenja, sostna Kevin Cutajar.

L-Awtorità għandu jkollha l-kompetenzi u r-riżorsi beix taħdem, appella Kevin Cutajar, li kompla li l-Awtorità għandha tkun effettiva man-nies biex il-poplu jħares lejn is-settur tal-kostruzzjoni bħala settur li jiġġenera l-ekonomija bla ma joħloq riskji u inkonvinjenti.

Kevin Cutajar qal li l-pajjiż ma jistax ikollu iktar traġedji fil-kostruzzjoni. Hu fakkar kif il-PN kien ressaq mozzjoni għal inkjesta pubblika dwar dan il-każ biex tanalizza n-nuqqasijiet tal-Istat. Sal-lum, il-Gvern għadu ma ressaqx din il-mozzjoni u injoraha minkejja li l-qraba tal-vittmi qed jitolbu ġustizzja.