Lokali

Il-Kamra tal-Periti sodisfatta li l-proposti tagħha ġew milqugħa

Il-Kamra tal-Periti esprimiet sodisfazzjon dwar abbozz li ser iwaqqaf l-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni. Abbozz li kien influenzat pożittivament mid-dokument ta’ proposti tagħha u l-preżentazzjoni li kienet tat f’Marzu li għadda lill-Kumitat Tekniku.

Il-Kamra ser tressaq żiedet għal dan l-Abboz maħsuba sabiex issir iktar enfasi fuq id-distinzjoni bejn ir-regolamenti tal-bini, li jkopru l-istandards ta’ diżinn li jaqgħu fir-responsabbiltà tal-periti u l-inġiniera, u r-regolamenti tal-kostruzzjoni, li jkopru s-sigurtà, metodoloġija u proċessi ta’ kostruzzjoni li jaqgħu fir-responsabbiltà tal-kuntratturi.

Din id-differenzazzjoni hija parti integrali mill-għaxar prinċipji fundamentali li fuqhom huwa mibni d-dokument dwar il-qafas regolatorju u li fuqu kien hemm diġà qbil mal-Gvern fl-Ittra ta’ Impenn tat-2
t’Awwissu 2019.

Il-Kamra tħares ‘il quddiem sabiex tikkolabora biex tindirizza dan biex b’hekk il-pajjiż ikun mogħni bl-aħjar leġislazzjoni possibli fis-snin li ġejjin: u dan fl-interess tas-saħħa pubblika.

Huwa important li jiġi enfasizzat, iżda, illi l-approvazzjoni ta’ dan l-Abbozz jirrapreżenta l-ewwel minn ħafna tappi matul il-vjaġġ li għad trid tgħaddi minnu sabiex timmodernizza ruħha u tilħaq standards Ewropej.

Is-suċċess ta’ dan il-vjaġġ ser jiddependi mill-kwalità tar-regolamenti u leġislazzjoni sussidjarja li ser isegwu dan l-Att. Il-Kamra tawgura li dawn ir-regolamenti ikun iffukati fuq il-prevenzjoni ta’ inċidenti fl-interess tas-saħħa pubblika, iktar milli sempliċement elenku ta’ responabbiltajiet sabiex jiġi stabbilit it-tort wara inċident.

Għal din il-għan, il-professjoni hija ħerqana sabiex tara l-introduzzjoni ta’ sistemi kompeteni bbażati fuq l-aħjar prattiċi internazzjonali li jikkonsistu fi proċessi ta’ kontroll u permessi tal-bini immirati sabiex jipprevjenu l-inċidenti permezz ta’ checks-and-balances integrati, kif ukoll il-liċenzjar ta’ operaturi mhux regolamentati.