Lokali

Il-Ministru jfarfarha fuq Scicluna u Muscat

Il-Ministru Laburista Silvio Schembri farfar għal kollox mill-mistoqsija ċara u tonda; min qed jgħid il-verità bejn l-eks Ministru Edward Scicluna, illum Gvernatur tal-Bank Ċentrali – u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, li ingħata l-unur tal-personalità għas-sena 2019 fil-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni.

Dan hekk kif taħt ġurament fix-xhieda tiegħu l-Qorti, Scicluna sostna li l-ftehim bejn il-Gvern Laburista u Vitals Global Healthcare – fuq il-bejgħ tal-isptar San Luqa, Sptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex – ma ġiex diskuss fuq livell ta’ Kabinett.

Madanakollu, kontra dak kollu li qal Scicluna  waqt li kien qed jixhed fil-kawża li fetaħ l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, Joseph Muscat qal li l-Kabinett li kien imexxi kien jaf b’kollox dwar dan il-kuntratt…. tant li ddiskutieh xejn anqas minn 12-il darba fuq livell Ministerjali.

Intant, mistoqsi minn Net News dwar jekk jaqbilx mal-ftehim li ntlaħaq bejn l-amministrazzjoni Laburista u Vitals – Schembri wieġeb li bħalissa għaddejjin proċeduri fil-Qorti.

Ta’ min wieħed jinnota li dan il-kuntratt ġie deskritt mill-Awditur Ġenerali bħala wieħed li kellu jiġi skwalifikat. Filwaqt li bosta esperti saħqu li huwa falliment totali kemm fuq bażi ta’ nuqqas ta’ miri li ntlaħqu kif ukoll għall-but taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin ….fejn il-Gvern Laburista qiegħed iħallas eluf ta’ ewro kuljum għal servizzi li bosta huma tal-fehma li qiegħed jiddiżappuntaw bil-kbir.