Lokali Qorti

Immultat €6,600 wara ħabta kerha fil-Għargħur bejn tliet karozzi b’wieħed jispiċċa jweġġa’ gravi

Żagħżugħ ta’ 25 sena ġie immultat €6,600 u kellu l-liċenzja sospiża għal 12-il xahar wara li nstab responsabbli mill-Maġistrat Nadine Lia li fis-sigħat bikrin tas-sajf tal-2014, ikkaġuna feriti gravi fuq raġel u feriti ħfief fuq żewġ persuni oħra f’inċident ikraħ li kien seħħ bejn tliet karozza fil-bypass tal-Għargħur.

Huwa nstab ħati li kkaġuna dan l-inċident meta saq b’manjiera perikoluża u li kkawża danni fuq il-vetturi li ħabat magħhom. Huwa ma nstabx ħat li ma kienx f’kundizzjoni li jsuq karozza minħabba xorb jew drogi, li saqha mingħajr il- kunsens ta’ ommu li kienet is-sid tagħha, u li saqha bla liċenzja.

F’dan l-inċident sewwieq Gianluca Vassallo, li dak iż-żmien kellu 23 sena mill-Ħamrun kien qed jiġi ttrattat għal ġrieħi gravi u għamel ukoll xi ħin fil-periklu tal-mewt. Tliet persuni oħra kienu wkoll sofrew ukoll ġrieħi, iżda ħadd minnhom ma kien fil-periklu tal-mewt.

Fost dawk li weġġgħu kienu tnejn mill-Ħamrun Boy Scouts Group, li kienu sejrin lura d-dar wara ftit tal-jiem ikkampjati. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1:.30 am fi Triq M. Murray, magħrufa aħjar bħala l-bypass tal-Għargħur.

Mamo, li dak iż-żmien kellu 19-il sena li kien qed isuq vettura Mitsubishi Pajero, kien tiela’ lejn it-‘Telgħa t’Alla u Ommu’ meta tilef il-kontroll tal-karozza tiegħu u mar fuq in-naħa l-oħra tat-triq.

Dak il-mument, ix-xufier tal-Ħamrun u l-passiġġier tiegħu kienu ġejjin mid-direzzjoni opposta lejn in-Naxxar. Is-sewwieq kien qed isuq Toyota Townace, fejn ipprova jevita l-ħabta. Fil-mument tal-impatt, Mini Cooper li kienet misjuqa minn Anna Gatt ta’ 55 sena minn San Ġiljan wara t-Toyota, laqat ukoll il-vettura.

Kienu ssejjħu fuq il-post il-membri tal-Protezzjoni Ċivili peress li s-sewwieq tat-Toyota kien maqbud fil-vann. Huma kellhom jaqtgħu partijiet mill-vann biex ix-xufier ikun jista’ jinħareġ mill-vettura.

Żewġ tobba, Michael Spiteri u Jonathan Joslin flimkien mal-infermiera kienu waslu fuq il-post bl-ambulanzi, u taw l-ewwel għajnuna lill-vittmi, li spiċċaw ittieħdu lejn l-Isptar Mater Dei.

Gianluca Vassallo, il-persuna li għamel xi ħin fil-periklu tal-mewt qal fil-Qorti li kien qed isuq vann tat-tip Toyota Lite-Ace, u kellu passiġġier lil Matthias Borg Ballucci, membru iehor tal-Iscouts.

Il-vann kien jakkomoda tnejn min-nies u wara kellu spazju miftuh li kien mgħobbi bl-apparat. Stqarr li kull ma jiftakar mill-inċident kien dawl qawwi ġej lejh min-naħa l-oħra tat-triq u ħoss qawwi u xejn aktar.

Meta rega’ gie f’sensih kien l-Ispar ġewwa l-ITU fejn kien dam tliet ijiem rikoverat u wara qatta’ gimgha oħra fis-Surgical Ward. Wara kien għamel żmien fl-Orthopaedic Ward minħabba li kellu ksur fil-pelvis.

B’kollox ghamel l-isptar mid-data tal-incident sal-11 ta’ Settembru 2015 u sofra ħsara permanenti fil-mod kif jimxi. Spjega ukoll li bħala konsegwenza tad-daqqa kbira li qala’ f’dahru waqt l-incident, żviluppatlu problema fin-nervituri ta’ idejh ix-xellugija li għaliha għadu qed jirċievi trattament.

Stqarr ukoll li għalkemm il-kundizzjoni tiegħu tjiebet ħafna, għadu jbati minn xi effetti tal-ġrieħi li kien ġarrab. Ann Gatta, qalet li fil-lejl tal-inċident għall-ħabta tas-1:30 ta’ filgħodu kienet qed issuq min-naħa tas-Salina sejra lejn il-Għargħur fejn kien hemm traffiku konsiderevoli u allura kienet qed issuq bil-mod ħafna.

Fir-rigward tal-karozza tat-tip Pajero bajda li ġiet min-naħa opposta, li din kienet mgħaġġla ħafna tant li kull ma rat kienet il-karozza bajda dieħla ghal ġo tagħha, għalqet għajnejha u wara ma tiftakar xejn għajr li ħasset daqqa lejn quddiem tal-karozza fuq in-naħa tax-xufier.

Bhala riżultat tal-inċident il-karozza tagħha spiċċat ‘total loss’, tant li ma setgħetx toħroġ minnha b’mod normali u hija sofriet xi tbenġil, izda xorta ttieħdet l-Isptar Mater Dei.

Tifkarar li meta ħarġet mill-karozza tagħha rat karozza tat-tip Pajero li kellha ħsarat kbar ħafna u taf li x-xufier tal-karozza li kienet quddiemha spiċċa fl-ambulanza. Mill-bqija qalet li ma sofrietx ġrieħi permanenti mill-inċident u kienet f’pożizzjoni li taħfer lill-imputat. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Luke Bonello.