Futbol Sport

Jefferson ta’ Gżira rebbieħ tal-isbaħ gowl tax-xahar għal Ottubru sponsorjat minn TESCOMA

L-attakkant Brażiljan ta’ 26 sena, Jefferson de Assis li jilgħab ma’ Gzira United F.C. hu r-rebbieħ tal-isbaħ gowl tax-xahar għal Ottubru 2020 ta’ Replay (Net Television), f’unur li dan l-istaġun hu sponsorjat minn Tescoma Malta.

Jefferson rebaħ dan l-unur wara li kiseb l-akbar ammont ta’ voti tat-telespettaturi ta’ Replay, f’votazzjoni li saret online, permezz tal-paġna tal-programm, u li ntemmet l-Erbgħa filgħaxija. Hu rebaħ dan l-unur grazzi għall-gowl li kien skorja fl-24 t’Ottubru fir-rebħa ta’ Gżira kontra Zejtun Corinthians FC. bl-iskor ta’ 2-1.

Fil-jiem li ġejjin se tkun qed issir il-presentazzjoni ta’ dan l-unur mill-isponsors TESCOMA lil Jefferson, kif ukoll servizz b’intervista mal-plejer fil-programm ‘Replay Preview’ li jixxandar kull nhar ta’ Ġimgħa, fid-9:30pm fuq NET Television.

B’hekk Jefferson hu t-tieni plejer rebbieħ ta’ dan l-unur għal dan l-istaġun, hekk kif l-ewwel rebbieħ, dak tal-isbaħ gowl tax-xahar għal Settembru, kien l-attakkant mill-Kolombja ta’ Santa Lucia, Kevin Ante Rosero.

Agħfas hawn biex tara l-gowl li skorja Jefferson u li biħ rebaħ l-unur ta’ TESCOMA l-isbaħ gowl tax-xahar għal Ottubru 2020 tal-programm Replay.