Atletika Sport

Jingħata bidu għall-istaġun tax-Xitwa tal-Atletika

Fl-aħħar ġimgħat ingħata bidu għall-istaġun tax-Xitwa tal-Atletika, bl-aqwa atleti ta’ pijjiżna flimkien maż-żgħażagħ promettenti reġgħu lura fit-trakka tal-Marsa għall-ewwel minn sensiela ta’ tliet appuntamenti tax-Xitwa organizzati minn Athletics Malta. Dawn l-avvenimenti jservu ta’ tħejjija għall-Kampjonati Nazzjonali tax-Xitwa, fl-20 ta’ Frar, li permezz tagħhom l-atleti jistgħu jikkwalifikaw għall-Kampjonati Ewropej Indoor tal-Atletika li se jsiru fil-Polonja f’Marzu.

Presess li minħabba l-pandemija tal-coronavirus kien ikkanċellat ir-Road Running League, dan l-avveniment iservi ta’ opportunità tajba għall-atleti biex jikkompetu u jiksbu riżultati tajbin.

It-tellieqa fuq 3,000 metru offriet spettaklu mill-aqwa hekk kif tlieta mill-aqwa atleti fid-distanza medja, Charlton Debono (Evolve Endurance Club), Dillon Cassar (Mellieħa AC) u Luke Micallef (Pembroke) jidħlu f’inqas minn sekonda bejniethom u rreġistraw uħud mill-aqwa ħinijiet.

L-ewwel avveniment tax-xitwa kellu bosta prestazzjonijiet pożittivi fost iż-żgħażagħ ukoll, Nicolai Bonelli, atleta ta’ taħt is-16 -il sena ta’ La Salle, qabeż 3.55m fil-Pole Vault, riżultat li mhux biss huwa age category best iżda jwittilu t-triq li jipprova jikser ir-rekord ta’ taħt l-20 sena li għadu f’idejn Jason Monreal b’3.90m. Peppina Dalli ta” Pembroke kellha wkoll prestazzjoni tajba ħafna wkoll b’3.40m.  Ta’ min isemmi wkoll lil Ylenia Muscat, ta’ Pembroke, li qabżet 2.55m fil-kategorija ta’ taħt l-14 -il sena.

Carla Scicluna ta’ Pembroke rebħet is-60m f’ħin ta’ 7.77s, personal best għaliha, filwaqt li Kurt Zahra ta’ Rush rebaħ it-tellieqa tal-irġiel b’7.28s.  Graham Pellegrini ta’ Pembroke u Martha Spiteri ta’ Żurrieq Wolves rebħu t-tellieqa tat-300m permezz ta’ personal bests, f’dawk li kienu meqjusa bħala prestazzjonijiet tajbin ħafna f’din il-fażi bikrija tal-istaġun. L-atleti jkunu lura fuq it-trakka fit-tmiem din il-ġimgħa għat-tieni Pre-Season Event.