Joe Biden is-46 President tal-Istati Uniti

”Illum hu jum specjali ghall-Amerikani għaliex ir-rieda tagħhom twettqet.” Dan qalu Joe Biden waqt li ġie inawgurat bħala s-46 president tal-Istati Uniti.

Dan il-jum iffisser tama ta’ kapitlu ġdid għall-Istati Uniti … kemm f’dak li għandu x’jaqsam ir-relazzjonijiet internazzjonali kif ukoll fit-taqtiegħa mal-pandemija tal-Covid-19 – bil-pajjiż ikun l-aktar wieħed li qed isofri l-konsegwenzi ta’ dan il-virus.

Waqt id-diskors tiegħu, Joe Biden irringrazzja lill-Presidenti Amerikani ta’ qablu, filwaqt li saħaq li dieħel ghal din il-kariga b’ruħu u b’ġismu. Hu insista li l-politika m’għandix taqsam poplu iżda għandha tkattar l-għaqda sabiex verament l-Istati Ameirkani jkunu uniti f’messagg ċar ta’ rikonciljazzjoni.

Joe Biden saħaq li wasal iż-żmien fejn l-Amerikani flimkien,u bħala nazzjon, jiġġieldu kontra l-inugwaljanza u r-razzizmu u biex isaħħu r-reputazzjoni tal-pajjiż. Biden insista li dan huwa jum li fih l-Amerika qed tiċċelebra isimha u teżalta d-demokrazija.

Waqt iċ-ċerimonja, Kamala Harris ħadet il-ġurament bħala Viċi President tal-Istati Uniti. Dan kien ukoll ġurament storiku peress li Harris issa saret l-ewwel mara f’din il-kariga importanti, minbarra li wkoll l-ewwel mara Amerikana ta’ nisel Asjatiku li qed taqdi rwol daqshekk sinifikanti fuq livell nazzjonali.

Iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni saret f’ambitu għal kollox differenti mis-soltu – kemm minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid-19, kif ukoll minħabba l-biża’ ta’ aktar protesti vjolenti fl-inhawi ta’ Washington DC.

Iċ-ċerimonja għall-inawgurazzjoni tal-President kienet ikkaratterizzata bi spettaklu mużikali — fost oħrajn mill-kantanta Jennifer Lopez, u bil-kantanta Lady Gaga tinterprata l-innu nazzjonali Amerikan.

Sadanittant, Donald Trump flimkien ma’ martu Melania ma attendewx iċ-ċerimonja u aktar kmieni llum telqu lejn Florida fejn se jibdew ħajja ġdida bħala ċittadini privati. Trump hu l-ewwel President fl-istorja li rrifjuta li jattendi l-inawgurazzjoni tas-suċċessur tiegħu.