Mir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-power station tal-Electrogas, jirriżulta b’konferma li l-Gvern mhux qed jixtri l-enerġija bl-iktar prezz irħis; dan minħabba l-ftehim li l-Gvern għamel mal-Electrogas.
Din il-konferma irriżultat f’laqgħa oħra tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li kompla jiddiskuti l-kuntratt tal-power station tal-Electrogas. Il-Kumitat kien presedut mid-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u għall-Oppożizzjoni pparteċipaw id-deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina u Chris Said filwaqt li għall-Gvern ipparteċipaw il-Whip Glenn Bedingfield, il-Ministru Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari Alex Mucsat u d-deputat Laburista Ian Castaldi Paris.
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami spjega li fil-ftheim oriġinali l-Enemalta stabbiliet li l-azzjonisti fil-konsorzju ma jistgħux jinbidlu qabel Jannar 2018 biex il-proġett tal-power station jitlesta. Minkejja dan, wara biss ftit xhur, Gasoil għamlet trasferiment tal-ishma wara li talbu permess lill-Enemalta, li approvat it-talba. L-Awditur Ġenerali ddikjara li l-konċessjoni tal-Ministeru u l-Enemalta kienet bi ksur tal-kuntratt. Beppe Fenech Adami qal li l-proġett fil-fatt ittardja b’sentejn.
Beppe Fenech Adami qal li Gasoil kellha 3,000 sehem b’valur ta’ €1 kull wieħed u xaharejn wara dawn l-ishma ġew jiswew €2.5 miljun; dan ifisser li Gasoil qalgħet €2.5 miljun minn dan il-proċess. Kollox maħdum bizzilla u perfett, irrimarka Beppe Fenech Adami, li kompla li dak li fil-bidu tal-proċess tal-power station kien jiswa €,3000, wara ftit xhur saru jiswew €2.5 miljun.
Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina ikkummenta li l-Gasoil kienet iffurmata fil-25 ta’ Marzu 2015 u f’inqas minn xahar iddeċidiet li tbiegħ l-ishma tagħha fil-proġett. Jirriżulta li ma tħallset l-ebda taxxa fuq dan l-ammont.
Dwar il-garanzija li ta l-Gvern, l-Awditur ikkonferma li din qatt ma saret bħalha qabel, lanqas ma’ entità tal-Gvern; lanqas għall-Enemlata u l-Water Services. Dan meta l-kumpanija involuta fil-power station kienet kumpanija privata. Il-Gvern ħa riskju kbir, sostna l-Awditur Ġenerali.
Għal kummenti tad-deputat Laburista Glenn Bedingfield, Karol Aquilina qal li Bedingfield kien qed jiġġustifika l-korruzzjoni f’dan il-ftehim u sostna li l-fatti huma direttur tal-konsorzju involut illum jinsab involut fil-qtil ta’ ġurnalista.
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami sostna li dan il-ftehim ħoloq il-gwaj li għaddej minnu l-pajjiż bħalissa.
Hu stabbilit fir-rapport tal-NAO li l-Ministeru tal-Finanzi kien inkwetat dwar ir-riskju marbut mal-garanzija ta’ €100 miljun. L-affarijiet setgħu saru b’mod aħjar li jirrikjedu li l-Gvern ma jidħolx għal din il-garanzija, sostna l-Awditur Ġenerali, li spjega wkoll kif il-garanzija telgħet għal €450 miljun. Beppe Fenech Adami qal li l-Awditur ikkonkluda li din kienet governanza ħażina.
Għal mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Chris Said dwar il-bżonn tal-garanzija mill-Gvern, l-uffiċjal tal-NAO Keith Mercieca qal li l-konsorzju kellu bżonn il-finanzi u għalhekk bżonn imur il-bank, li biex ikun komdu jsellef kellu bżonn garanzija.
Chris Said qal li l-kumpaniji fil-konsorzju, fosthom Siemens, kellhom biex jagħmlu garanzija iżda marru għand il-Gvern biex jagħmillhom garanzija. L-Awditur Ġenerali sostna li l-informazzjoni li għandhom hi li l-garanzija kienet deċiżjoni tal-Kabinett.
Jririżulta li kieku l-kumpanija naqset fuq l-offerta tal-power station, il-Gvern kien ikollu jagħmel tajjeb. Dan ifisser li l-Gvern kien qed joffri garanzija li setgħet tfalli pajjiż, sostna d-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, li qal li s-self tal-konsorzju qed iħallsu l-poplu għax il-Gvern intrabat li jixtri bl-għoli mingħand dawn in-nies biex dawn ma jfallux meta l-pajjiż jista’ jixtri bl-irħis. Il-garanzija finali kienet ta’ €430 miljun iżda mhux konfermat jekk kien hemm l-approvazzjoni tal-kabinett tal-ministri għal kull żieda li kien hemm fuqha.
Keith Mercieca qal li fir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea, il-Gvern qal li dan il-proġett mhux se jeffettwa s-suq iżda l-fatti huma li l-Gvern kien limitat minn fejn jixtri l-enerġija minħabba l-ftehim li għamel l-istess Gvern. Hu qal li lill-Kummissjoni Ewropea l-Gvern qallha li se jixtri l-enerġija bl-aktar mod ekonomiku iżda fil-ftehim hemm kundizzjonijiet li jillimintaw lill-Gvern. Jirriżulta li mill-interconnector l-enerġija kienet irħas f’dak il-perjodu tal-kuntratt.
Il-Gvern ikkommetta ruħu li jħallas lill-konsorzju indipendentament jekk jixtrix mingħandhom u jkun qed jixtri mill-interconnector, sostna Beppe Fenech Adami.
Id-deputat Nazzjonalista Chris Said ikkummenta li minkejja dak li qal lill-Kummissjoni Ewropea, il-Gvern spiċċa ma jixtrix bl-aktar mod ekonomiku. Lill-Kummissjoni Ewropea, l-Gvern qallha mod u spiċċa għamel mod ieħor; il-Gvern spiċċa xtara bl-ogħli. Dan minħabba l-ftehim mal-Electrogas; skont kif ikkonferma l-Awditur Ġenerali.
//= $special ?>