Internazzjonali

L-aħħar jum ta’ Trump: ‘Determinat li jirritorna mill-ġdid fix-xena politika’

Illum kienet l-aħħar ġurnata ta’ Donald Trump bħala President tal-Istati Uniti u fejn hu ikkonkluda erba’ snin ta’ tmexxija karatterizzati mit-taqlib u l-kontroversji. Intant – u ladarba telaq mill-White House għall-aħħar darba  bħala President — Trump qal lis-sostenituri tiegħu li kien ‘unur kbir għalih’ li seta’ ikun il-Mexxej tagħhom.

Donald Trump hu l-ewwel President Amerikan li injora ċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni tal-President suċċessur mill-1869. Iżda hu, fl-aħħarnett, awgura ‘l-akbar suċċess’ lill-amministrazzjoni ġdida. Donald Trump anki ħalef li jirritorna fix-xena politika ‘f’xi kariga oħra’ filwaqt li sostna li ‘il-poplu ma jdumx ma jerġa’ jarah (fi profil nazzjonali)’.

L-eks President Repubblikan għamel l-aħħar diskors (bħala President) fil Joint Base Andrews f’Maryland, wara li qabad ajruplan għal hemm (minn Washington) flimkien mal-eks First Lady Melania Trump.

Fid-diskors, Trump ftaħar b’dak li rnexxielu jikseb bħala President, fejn irrefera għat-tkattir tax-xogħol, it-twaqqif ta’ ‘Space Force’, l-introduzzjoni ta’ politika tat-taxxa favorevoli u l-iżvilupp tal-vaċċini kontra l-Covid-19.

Hu ħeġġeġ biex il-poplu jkun ‘attent ħafna fil-konfront tal-pandemija terribbli’ waqt li sellem lill-vittmi tal-virus qattiel.

Madankollu, Donald Trump fl-ebda ħin ma rrefera għall-President ġdid, Joe Biden, b’ismu. Fl-istess ħin, Trump sellem lill-eks Viċi-President tiegħu, Mike Pence, li kien preżenti għall-inawgurazzjoni ta’ Biden, f’Washington.

Fl-aħħar sigħat, Trump ivvjaġġa lejn il-golf club ta’ Mar-a-Lago, f’Palm Beach ( fl-Istat ta’ Florida) biex jibda l-ħajja ġdida bħala ċittadin privat wara s-snin ta’ Presidenza.

Intant, qabel ikkonkluda l-Presidenza, Donald Trump ħareġ digrieti ta’ maħfra għal aktar minn 140 persuna, inkluż l-eks konsulent tiegħu, Steve Bannon, li kien qed jiffaċċja akkużi dwar frodi.