Lokali

Maħtur president ġdid għall-Moviment ta’ Kana

L-Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Joe Cassar bħala l-President
tal-Moviment ta’ Kana. Huwa ħa post Dr Arthur Galea Salomone li kien ilu tmien snin fil-kariga.

Il-Moviment ta’ Kana huwa għaqda mhux governattiva tal-Knisja f’Malta li ilu jaħdem mal-familji għal dawn l-aħħar 68 sena. Fost is-servizzi li joffri hemm il-korsijiet ta’ tħejjija għaż-żwieġ, il-formazzjoni lill-koppji u lill-familji, counselling għall-persuni kollha li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet personali u familjari, kif ukoll ħidma mill-qrib mal-parroċċi.

Joe Cassar huwa konsulent psikjatra li ggradwa bħala tabib mill-Università ta’ Malta u kompla l-istudji tiegħu fil-psikjatrija fl-Università ta’ Yale fl-Istati Uniti. Huwa wkoll senior lecturer fl-Università ta’ Malta u jmexxi s-servizz ta’ emergency psychiatry fl-Isptar Mater Dei.

Huwa jaħdem fil-qasam tas-saħħa mentali tat-tfal u ż-żgħażagħ kif ukoll ma’ familji f’diffikultà. Dr Joe Cassar huwa wkoll membru tal-Moviment tal-Fokolarini. Huwa miżżewweġ lil Anna Maria u għandhom żewġt itfal, Fabrizia u Rebecca.