Lokali

Samantha Pace Gasan tinħatar it-tieni Kummissarju għall-Persuni b’Diżabbiltà

Samantha Pace Gasan inħatret bħala t-tieni Kummissarju għall-Persuni b’Diżabbiltà. Dan wara li Oliver Scicluna nħatar Membru Parlamentari.

Samantha Pace Gasan, li għandha 27 sena, iggradwat b’Baċellerat bl-Unuri fil-Politika Soċjali fl-2016 u riċentament b’Masters fil-Kreattività u l-Innovazzjoni. F’dan tal-aħħar, Samantha ffukat l-istudji tagħha fuq l-innovazzjoni soċjali fl-intrapriżi żgħar u medji f’pajjiżna.

Matul il-karriera tagħha, Samantha ħadmet f’diversi entitatjiet, inkluż MEUSAC fejn assistiet diversi għaqdiet sabiex jaċċessaw fondi Ewropej; u l-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fi ħdan l-Università ta’ Malta, fejn ħadmet bħala riċerkatur u koordinatur ta’ diversi proġetti bejn ilFakultà u diversi entitajiet soċjali.

Tul din is-sena, flimkien ma’ kollegi oħra, hija ħadmet ukoll fuq riċerka dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq il-persuni b’diżabbiltà.

Samantha Pace Gasan bdiet il-mixja tagħħa fl-attiviżmu minn età żgħira. Kienet membru fil-Malta Girl Guides u f’għaqdiet mhux governattivi oħrajn. Fil-Malta Girl Guides hija kienet parti minn diversi kumitati, fosthom dak li jiffoka d-diversità u l-promozzjoni għad-drittijiet tal-minoritajiet.

Eventwalment hija kienet ukoll parti mill-Bord Nazzjonali fejn kienet
tirrappreżenta liż-żgħażagħ. Samantha kienet ukoll parti mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ fejn fost inizjattivi oħra ħadmet fuq proposti dwar is-saħħa sesswali taż-żgħażagħ; l-għaqda studenteska Studenti
Ħarsien Soċjali; u kienet fundattriċi tal-għaqda Network of Young Women Leaders, li l-iskop primarju tagħha kien li tara tfajliet b’esperjenzi differenti jikbru f’mexxejja.

Bil-ħatra ta’ Samantha Pace Gasan, il-Gvern Malti qed jibgħat messaġġ b’saħħtu li Malta tħares lejn l-ispettru wiesa’ tal-kelma diżabbiltà u id f’id mat-tema ta’ din is-sena tal-Ġnus Magħquda li mhux kull diżabbiltà hi viżibbli.

Fl-2018, Samantha kellha bżonn ta’ operazzjoni fil-qalb u l-aorta b’emerġenza. Ftit żmien wara kellha dijanjożi ta’ Marfan Syndrome, kundizzjoni li primarjament taffettwa l-connective tissue tal-ġisem. Dan wassal biex sentejn wara, fl-2020, Samantha kellha bżonn tagħmel it-tieni
intervent simili. Din id-darba, waqt l-operazzjoni, Samantha esperjenzat stroke li wasslet biex tilfet il-vista minn għajnejha l-leminija.

Minkejja l-isfidi li ġġib magħha t-tranżizzjoni, Samantha tħares lejn il-ħajja b’mod pożittiv, taċċetta d-diżabbiltà bħala parti waħda mill-identità tagħha u għażlet li minnufih tħares lejn opportunitajiet bħal teknoloġija assistiva sabiex tkun tista’ tibqa’ tgħix kwalità ta’ ħajja għolja.

Hi għexet is-settur tad-diżabbiltà minn aspett differenti hekk kif lura fl-2001, twieldet oħtha, Naomi Pace Gasan, li għandha Down Syndrome. B’hekk Samantha tara wkoll il-perspettiva ta’ membru tal-familja tal-persuni b’diżabbiltà.