Internazzjonali

Tispiċċa l-era ta’ Donald Trump, b’Joe Biden illum jieħu l-ġurament bħala s-46 President Amerikan

L-għajnejn tad-dinja qegħdin fuq l-Istati Uniti fejn il-President-elett Amerikan, Joe Biden, il-lejla, jieħu l-ġurament bħala s-46 Mexxej Amerikan waqt ċerimonja formali f’Washington.

Intant, eluf kbar ta’ suldati mal-Gwardja Nazzjonali qed jikkonsolidaw is-sigurtà fl-aktar zoni sensittivi ta’ Washington. Dan meta mhumiex esklużi aktar inċidenti vjolenti wara l-assedju, fis-6 ta’ Jannar, mill-partitarji tal-eks President Donald Trump fuq il-bini tal-Capitol….Assedju li rriżulta f’ħames mejtin, inkluż pulizija li kien stazzjonat fl-inħawi.

Illum hi anki l-aħħar ġurnata tal-Presidenza ta’ Donald Trump wara erba’ snin karatterizzati minn taqlib u kontroversja wara l-oħra — bi Trump jiddeċiedi li ma jattendix għall-inawgurazzjoni tal-Presidenza ġdida.

Id-deċiżjoni ta’ Trump fost oħrajn tirrifletti r-rabja tal-eks President Amerikan li baqa’ sal-aħħar jikkuntesta t-telfa tal-elezzjoni tat-3 ta’ Novembru għall-Presidenza Amerikana.

In-nuqqas tal-hekk-imsejjaħ ‘outgoing President’ f’Washington hi anki l-ewwel darba li President li wasal biex jispiċċa mhux se jkun preżenti għall-inawgurazzjoni tas-suċċessur tiegħu (fl-Istati Uniti) għal aktar minn 150 sena.

Id-diskors inawgurali ta’ Biden bħala President ġdid mistenni jenfasizza impenji għall-għaqda u rikonċiljazzjoni bejn l-Amerikani wara l-aħħar xhur ta’ tensjoni politika.

Dan id-diskors se jsir mill-inħawi tal-Lincoln Memorial (f’Washington) u fejn mistenni li Biden anki jitkellem dwar l-impatt tal-Covid-19 fuq il-poplu Amerikan u dwar il-politika ġdida tiegħu biex jikkumbatti dan il-virus.

Joe Biden diġà qed jaħseb biex iwarrab jew jinvalida diversi aspetti ta’ politika li kien introduċa Trump – fosthom il-ħruġ tal-Istati Uniti mill-Ftehim Storiku ta’ Pariġi dwar il-Klima, li ntlaħaq fl-2015.

Iċ-ċerimonji għall-inawgurazzjoni tal-Presidenza ta’ Biden se jinkludu qari ta’ poeżiji u ċ-ċerimonja tal-ġurament (Pledge of Allegiance) – waqt li l-kantanta Lady Gaga se tinterpreta l-innu nazzjonali tal-Istati Uniti.

Min-naħa tiegħu, Donald Trump, illum, mistenni jivvjaġġa lejn Florida. Dan fost rapporti li hu – qabel jasal hemm – se jkun il-protagonista ta’ ‘ċerimonja ta’ tislima li  ħejja hu stess għalih inifsu’ fil-faċilità militari ta’ Joint Base Andrews, f’Maryland.