Lokali

Tibdil meħtieġ għal aktar sigurtà fil-bini – u-turn minn Robert Abela

Wara li f’Marzu li għadda Miriam Pace tilfet ħajjitha f’inċident traġiku meta intradmet f’darha stess, kien maħtur Kumitat Tekniku tal-Insustrija tal-Bini bil-għan li jidentifika mezzi sabiex traġedji ta’ dan it-tip ikunu evitati.

Il-Kumitat temm ir-rapport tiegħu u issa ġie ppreżentat fil-Parlament, wara li l-Prim Ministru għamel u-turn fuq id-diskors tiegħu stess meta qal li ma kienx se jagħmel pubbliku l-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport.

Fir-rapport tiegħu, il-Kumitat sab li jeħtieġ li jsiru tibdiliet għal tul ta’ żmien li jittrasformaw l-industrija tal-bini sabiex dan jopera b’mod modern li jkunu fil-livell ta’ pajjiżi oħra żviluppati.

Fost ir-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat hemm l-introduzzjoni ta’ miżuri diretti biex ikunu mnaqqsa l-prattiċi perikolużi waqt it-tħaffir, li tingħata l-opportinità biex l-iskavar u l-bini ta’ aktar sulari jkunu studjati fl-ewwel stadju tal-proġett, li jsir titjib fil-qafas eżistenti tar-regolamentazzjoni, li jkun hemm rwoli u responsabiltajiet definiti fuq is-siti, ir-reġistrazzjoni ta’ professjonisti, kuntratturi, u opeaturi fl-industrija, l-involviment tal-pubbliku speċjlament ta’ partijiet terzi impattati mill-iżvilupp, u l-użu ta’ teknoloġija moderna għal aktar sigurtà fit-tħaffir u l-kostruzzjoni.

Il-Kumitat insista wkoll dwar l-agenzija tal-bini u l-kostruzzjoni, il-BCA bħala li element kruċjali biex iseħħ it-tibdil neċessarju. Fost tibdil meħtieġ li tkellem dwaru l-Kumitat hemm il-mod kif jitqatta’ l-blat fi proġetti ġodda, fejn il-metodu fejn il-blat jitqatta’ eżatt mal-bini eżistenti, kif drajna naraw qed iwassal biex il-blat fiż-żona jiddgħajjef.