Edukazzjoni Lokali Saħħa

Appell lill-ġenituri mill-iskejjel tal-knisja

Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja (CSA) jikkundannaw l-aġir irresponsabbli tal-Union of Professional Educators (UPE) meta qed tippubblika informazzjoni fil-paġna tagħha fuq Facebook dwar każijiet tal-COVID-19 fl-iskejjel tal-Knisja. Dan l-aġir qed joħloq paniku u ansjetà bla bżonn fost l-istudenti, il-ġenituri u l-edukaturi.

L-iskejjel tal-Knisja qed jagħmlu minn kollox biex jinfurmaw lill-ġenituri u l-istaff tal-iskejjel b’dak li qed isir meta jkun hemm każ pożittiv fl-iskejjel. Dan qed isir b’mod trasparenti sabiex dejjem jiġi żgurat li s-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti u tal-istaff jibqgħu prijorità fl-iskejjel.

L-iskejjel tal-Knisja ilhom minn Settembru li għadda jisħqu li tali stqarrijiet mill-UPE ma jagħmlux ġid għas-sitwazzjoni ta’ bħalissa, sitwazzjoni li diġà hija ta’ sfida għall-iskejjel kollha f’pajjiżna. Għaldaqstant, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja jappellaw lill-ġenituri sabiex jibqgħu f’kuntatt mal-iskejjel ta’ wliedhom sabiex ikollhom informazzjoni oġġettiva dwar il-każijiet tal-COVID-19 u l-proċeduri ta’ sigurtà fl-iskejjel.

F’dan iż-żmien ta’ sfida, l-iskejjel tal-Knisja se jibqgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-ħarsien tas-saħħa sabiex ikomplu jipprovdu d-dritt għall-edukazzjoni lil aktar minn 17,000 student.