Internazzjonali

Covid-19: Kunsidrati miżuri għall-ivvjaġġar fost l-inkwiet dwar il-varjanti

Il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea qed jindirizzaw l-isfidi kbar ikkaġunati mill-coronavirus huma u jiddiskutu limitazzjonijiet ġodda għall-ivvjaġġar — flimkien ma’ politika għall-issikkar ta’ kontrolli mal-fruntiera.

Dan kollu qed isir bil-għan li l-pajjiżi jrażżnu l-varjanti ġodda tal-Covid-19 li għandhom potenzjal ogħla li jinfettaw lin-nies. Il-periklu ta’ dan, intant, hu fost l-aspetti prinċipali li jridu jkunu evalwati mill-mexxejja waqt video conference.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, wissiet li l-pajjiżi tal-Ewropa jeħtieġu jieħdu l-varjanti (mutations) ġodda bl-akbar serjetà jekk iridu jevitaw tielet mewġa tal-Covid-19. Hi qalet li l-għeluq ta’ fruntieri ma jistax ikun eskluż ‘iżda il-pajjiżi jridu jevitaw dan il-pass permezz ta’ kooperazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea’.

Il-Prim Ministru tal-Belġju, Alexander De Croo, beħsiebu jitlob lill-Mexxejja tal-Istati membri tal-UE biex iwaqqfu l-ivvjaġġar mhux essenzjali bħat-turiżmu ‘għaliex iċ-ċifri tal-Covid-19 jistgħu jisplodu mal-inqas nuqqas’.

Intant, il-kapijiet tal-Istituzzjonijiet tal-UE ħeġġew lill-Mexxejja biex iżommu mal-istess politika u jesprimu sens ta’ għaqda – huma u jżidu r-rata tat-testijiet u t-tilqim tan-nies. Madankollu, Angela Merkel ma kenitx qed tistenna li jittieħdu d-deċiżjonijiet formali waqt dan il-video conference li hi d-disa’ konferenza ta’ dan it-tip mill-bidu tal-pandemija.

Min-naħa tagħha, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, f’nofs il-ġimgħa kienet qalet li ma jagħmilx sens l-għeluq totali tal-fruntieri tal-Ewropa. Hi enfasizzat li politika bħal din ma kenitx se tkun effettiva daqs sensiela ta’ miżuri speċifiċi u koordinati għat-trażżin tal-virus.

L-Eżekuttiv tal-UE anki jrid li l-pajjiżi-membri jaqblu dwar ‘direzzjoni u politika komuni’ għaċ-ċertifikazzjoni tat-tilqim sal-aħħar tax-xahar. Dan għandu jippermetti biex iċ-ċertifikazzjoni fi Stat membru partikulari jkun aċċettabbli anki għas-26 pajjiżi l-oħra tal-Unjoni.