Internazzjonali

Covid-19: L-Ungerija ssir l-ewwel pajjiż tal-UE li approva l-vaċċin tar-Russja

L-Ungerija hi l-ewwel Stat membru tal-Unjoni Ewropea li qed jagħti approvazzjoni preliminarja għall-vaċċin –Sputnik V —  li r-Russja produċiet għal kontra l-coronavirus. Intant, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban, ikkonferma li t-tilqima ‘tar-Russja’ u t-tilqima tal-Oxford-Astra-Zeneca it-tnejn ingħataw approvazzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa lokali.

Fl-aħħar sigħat, kien hemm stennija biex il-Ministru Ungeriż għall-Affarijiet Barranin, Peter Szijjarto, jikkonkludi ftehim, f’Moska, għat-trasport u d-distribuzzjoni tal-vaċċin Sputnik V. Dan meta l-ewwel riżultati mill-provi għal dan il-vaċċin żvelaw aspetti pożittivi.

Sadanittant, l-uffiċjali Ungeriżi qed jiddiskutu wkoll mal-awtoritajiet taċ-Ċina dwar l-approvazzjoni u ‘it-trasport immedjat’ ta’ miljun doża tal-vaċċin (Ċiniż) ta’ Sinopharm li qed jingħata diġà fis-Serbja (ġar tal-Ungerija).

Il-kumpanija Sinopharm ( tal-Istat Ċiniż) ix-xahar li għadda ħabbret li t-tilqima tagħha kellha effettività ta’ 79 fil-mija – jiġifieri livell aktar baxx minn tal-vaċċini Pfizer u Moderna. Madankollu, il-Prim Ministru Orban qal li pajjiżu ‘qed ikun kostrett li jixtri (il-vaċċin) mingħand ir-Russja u ċ-Ċina biex ilaħħaq mad-domanda’, filwaqt li rrefera ‘għall-fatt frustranti li l-vaċċin tal-Pfizer-BioNTech qed jasal għandhom (l-Ungeriżi) bil-mod wisq’.

Talanqas 140,000 Ungeriż diġà tlaqqmu kontra l-Covid-19, iżda l-isforzi tal-Gvern Ungeriż biex iżid il-programmi tat-tilqim bid-dożi li qegħdin jinxtraw mingħand ir-Russja u ċ-Ċina diġà qed iħabbtu wiċċhom ma’ oppożizzjoni.

Dan meta għad hemm elementi qawwija ta’ ‘suspett u xettiċiżmu’ fost l-Ungeriżi u li jistgħu għandhom x’jaqsmu mat-tifkiriet tal-politika tad-diktat, meta l-Ungerija tmexxiet minn Gvernijiet komunisti, bejn l-1948 u l-1989.

L-approvazzjoni, mill-Ungerija, tal-vaċċin tar-Russja anki ġenerat kritika mill-UE li qed tara ‘eżempju ieħor fejn il-Gvern ta’ Orban qed jaġixxi għalih waħdu u mingħajr rispett għall-politika tas’ solidarjetà tal-Unjoni’.