Coronavirus Ewropa Saħħa

COVID: Il-mexxejja Ewropej f’ “ġirja kontra l-ħin”

Ġirja kontra l-ħin.

Hekk qed iqisu s-sitwazzjoni preżenti l-mexxejja tal-pajjiżi Ewropej hekk kif għadd ta’ varjanti tal-Covid-19 qed ikomplu jiftaċċaw mil-lum għall-għada f’diversi pajjizi.

Imħassba, il-mexxejja se jkunu qed jiltaqgħu b’mod virtwali biex jiddiskutu kif se jħaffu aktar il-proċess tat-tilqim bit-tama li jwaqqfu l-varjanti tal-virus milli jieħdu dominanza fuq il-vaċċin.

Varjanti mir-Renju Unit, l-Afrika t’Isfel u l-Brażil qegħdin jinkwetaw lill-mexxejja tad-dinja kollha bil-biża li dawn jistgħu jrendu l-vaċċin ineffettiv qegħda dejjem tikber.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li l-Unjoni Ewropea qed tittama li tawtorizza aktar vaċċini minbarra dawk tal-Pfizer Biontech u tal-Moderna, biex sa l-aħħar ta’ Awwissu jkunu mlaqqma 70% tal-adulti Ewropej.

Il-Kunsill tal-Ewropa sa issa għadu ma approvax il-vaċċin tal-Astra Zeneza li huwa ferm aktar faċli biex jintuża u orħos mill-vaċċini l-oħra, bil-Prim Ministri tal-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka u l-Greċja qed jappellaw lill-President Charles Michel biex ifittex jagħti din l-awtorizzazzjoni ħalli l-proċess tat-tilqim ikompli jitħaffef.

Uffiċjali Ewropej qed ikomplu jwissu kontra l-illaxkar ta’ miżuri qabel il-waqt li jaf iwassal għal aktar żidiet fil-każi fil-komunitajiet.