Lokali

Edward Scicluna żied il-paga tal-Gvernatur Ċentrali qabel laħaq hu fil-kariga

Ftit tax-xhur qabel ma rriżenja mill-Parlament , il-Ministru tal-Finanzia ta żieda ta’ €11,000 lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali biex ittundjalu l-paga annwali tiegħu minn €89,000 għal €100,000 tondi tondi. Hekk żvela s-sit The Shift News.

€100,000 hija wkoll, kumbinazzjoni, il-paga li kien jaqla f’sena l-eks Ministru meta kien għadu Membru Parlamentari Ewropew, kif qal hu stess f’Awwissu li għadda fil-Qorti meta kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fl-istess seduta, mistoqsi għalfejn ivvota favur f’vot ta’ fiduċja, Scicluna qal li dan ma kienx free vote u li kellu jew jivvota favur jew jirriżenja. L-eks Ministru kompla jgħid li hu kien ħalla job ta’ €100,000 fis-sena fi Brussell biex daħal fil-Parlament Malti, u ma kienx se jirriżenja kif ġieb u laħaq ‘għal xi ħaġa li ma kellux tort fiha’.

Il-Ministru Scicluna kien diġà tefa’ għajnejh fuq il-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali, anke għax kien jaf li kien wasal iż-żmien biex ibattal is-siġġu tiegħu fil-Parlament, biex jagħmel spazju għal persuni oħra li ried fil-Parlament il-Prim Ministru Robert Abela.

L-eks Gvernatur Mario Vella, kien ilu fil-kariga mill-2016, iżda fl-aħħar xhur li kien fit-tmun tal-Bank Ċentrali, il-Ministru Scicluna deherlu li kellu jżidlu l-paga b’aktar minn 12% mil-lum għal għada, biex telgħet għal €100,000.

Dan ifisser li issa li f’dik l-istess kariga hemm propju l-Ministru Edward Scicluna, dan issa reġa’ tella’ d-dħul tiegħu biex qiegħed tal-anqas fl-istess livell li kien meta kien għadu Brussell.