Coronavirus Lokali Turiżmu

“Hemm bżonn tittieħed azzjoni immedjata”

Jekk ma jittieħdux azzjonijiet immedjati, din is-sena se tkun diffiċli bħalma kienet is-sena li għaddiet. Dan joħroġ minn analiżi li saret mill-Ajruport Internazzjoni ta’ Malta… wara li għalaq is-sena 2020 bi tnaqqis ta’ 76.1% fit-traffiku fuq is-sena ta’ qabel.

Dan ifisser li s-sena li għaddiet il-persuni li għaddew mill-Ajruport ta’ pajjiżna nizlu ghal 1,748,000. Fatt illi juri kemm kienet kbira d-daqqa li ħa dan is-settur kawża tal-pandemija tal-COVID-19 – u huwa propju għalhekk li hemm bżonn jittiehdu deċiżjonijiet urġenti.

Dak tal-2020 huwa l-aktar riżultat baxx li qatt ġie rreġistrat minn meta l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ġie privatizza fl-2002

Ix-xahar ta’ Diċembru għalaq is-sena b’46,475 passiġġier, jiġifieri tnaqqis ta’ ftit iktar minn 90% fuq l-istess xahar tal-2019. Jidher li din is-sitwazzjoni hija riflessa wkoll madwar l-Ewropa kollha, hekk kif numru kbir ta’ ajruporti wkoll irrappurtaw tnaqqis.

Skont stqarrija li ħarġet mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta diversi organizzazzjonijiet internazzjonali li joperaw fil-qasam tat-turiżmu u l-avjazzjoni qegħdin ibassru li wara bidu tas-sena iebes, l-industrija tat-turiżmu tista’ tistenna li tibda tara ħjiel ta’ ċaqliq mal-bidu tal-istaġun tas-sajf.

Iżda sabiex dan iseħħ, il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg qal li huwa kruċjali li matul il-ġimgħat li ġejjin jittieħdu deċiżjonijiet li jippromwovu aktar fiducja fil-konsumatur. U hawn semma’ kemm hu kruċjali li l-vaċċin jingħata bi process aktar mgħaġġel.

Apparti dan, hu qal li minnufih għandu jintlaħaq ftehim dwar ċertifikat diġitali ta’ tilqim kontra l-COVID-19 li jkun komuni għall-Ewropa kollha. Dan għaliex ftehim bħal dan isarraf f’pass importanti lejn it-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-ħtieġa ta’ testijiet u kwarantina.

Ikkummenta