Lokali Parlament

Il-gvern kien reattiv u mhux propożittiv fil-kostruzzjoni

Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li quddiem l-isfidi tal-industrija tal-kostruzzjoni, il-gvern kien biss reattiv u mhux propożittiv.

Fil-parlament Toni Bezzina qal li l-qafas leġiżlattiv hu importanti biex jiggarantixxi l-għajxien tal-ħaddiema u li jserraħ ras ir-residenti biswit sit ta’ kostruzzjoni. Hu sellem il-Kamra tal-Periti u l-ħdima li din twettaq u qal li l-Gvern ma rrikonoxxiex il-ħidma li din twettaq. Toni Bezzina rringrazzja wkoll lill-MDA fil-ħidma biex is-settur ikun regolat. Hu sellem ukoll lill-pubbliku li ħoloq kuxjenza dwar ir-riski li din l-industirja iġġib.

Toni Bezzina qal li kien Gvern Nazzjonalista li daħħal regoli fis-settur tal-kostruzzjoni iżda l-Gvern Laburista flok kompla jibni fuq dak li wettaq Gvern Nazzjonalista abbanduna din l-industirja. Dan wassal għal numru ta’ inċidenti fl-2019 li fihom waqgħet tliet idjar iżda ma miet ħadd. Il-Gvern kienwaqqaf ix-xogħol kollu ta’ kostruzzjoni biex jara x’se jagħmel.

Il-problema kienet li dak li m’għamilx il-gvern f’sitt snin ipprova jagħmlu f’ġimgħa. Il-gvern ma kellux pjan għal dan is-settur u kien biss gvern reattiv flok proattiv. Il-PN kien ġideb l-attenzjoni tal-gvern biex issir azzjoni mmedjata u ressaq diversi proposti biex l-industrija tkun regolata b’mod ħolistiku fosthom is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-ħolqien ta’ reġistru, konsultazzjonijiet mal-MCAST u l-univeristà, isir eżami dwar il-blat tal-pajjiż u li titwaqqaf Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni b’rappreżentanti tal-pubbliku u l-entitajiet involuti.

Id-deputat Nazzjonalista appella biex it-twaqqif tal-bord ikun rivedut u jkun jinkludi liċ-ċittadini biex iressqu l-ilmenti tagħhom. Hu qal li għandu jkun hemm ukoll esperti minn setturi differenti. Hu qal li l-avviż legali ma laħaqx l-iskopijiet tiegħu u spjega kif il-Gvern diġà kellu dokument lest li seta’ japplikah biex l-entitajiet kollha jinġabru f’Awtorità waħda. Minkejja li l-gvern kellu d-dokument, għaddew sena u nofs u kien biss issa li se jwqqaf Awtorità.

It-tieni riforma kienet dwar il-Att tal-periti biex tirregola l-professjoni tal-periti iżda din il-liġi suppost daħlet sena ilu u kien biss ftit ġranet ilu li tressqet fil-parlament. Inkwetanti l-fatt li quddiem il-Bord tal-Kondotta l-gvern qed jikser liġi oħra li ma tħallix indħil mill-ministru f’ċertu oqsma.

It-tielet riforma kienet ir-revoka tal-avviż legali għax ma kienx jindirizza l-kriżi li kienet tinsab fiha l-industrija tal-kostruzzjoni.

Toni Bezzina semma’ l-mewt ta’ Miriam Pace u qal li l-PN esiġa li ssir inkjesta pubblika biex il-poplu jkun jaf jekk sarx dak kollu possibbli mill-gvern biex it-traġedja tkun evitata. Dan sar bl-iskop li jkunu evitati inċidenti oħra.

Il-kumitat kien waqqaf ukoll kumitat tekniku biex jara jekk il-liġijiet fil-pajjiż humiex jilqgħu għall-problemi fis-siti tal-kostruzzjoni. Kien biss illum li dan ir-rapport jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Hu appella biex is-settur ikun regolat kif suppost u li jilqa’ fih il-proposti lisaru mill-partijiet involuti fosthom b’konsultazzjoni mal-Kamra tal-Periti.