Lokali Unjoni Ewropea

Il-Parlament Ewropew japprova aktar flus għal dawk l-aktar fil-bżonn

Il-Parlament Ewropew għadu kemm approva żieda kruċjali fi flus għal dawk l-aktar fil-bżonn kawża ta’ COVID-19.

Dan ħabbru ftit tal-mumenti ilu l-MEP Nazzjonalista David Casa, fejn f’isem il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew mexxa u nnegozja din iż-żieda fil-fond FEAD (Fund for European Aid to the Most Deprived) għal pajjiżi Ewropej inkluż Malta, biex ikunu jistgħu jtejbu l-għajnuna finanzjarja għal dawk il-familji l-aktar li ntlaqtu ħażin mill-pandemija.

“Il-pandemija bla preċedent tal-COVID-19 wasslitna biex intejbu l-liġijiet attwali u l-għajnuna finanzjarja għal dawk li l-aktar li ntlaqtu ħażin minn perspettiva medika, kif ukoll minn perspettiva finanzjarja u dik soċjali. Miżura kruċjali hi dik biex tiżdied l-għajnuna għal dawk li l-aktar huma fil-bżonn. Illum, jien sodisfatt li lħaqna l-għan tagħna li nżidu l-flus li ser ikunu disponibbli għal dawk li l-aktar huma fil-bżonn fis-soċjetajiet tagħna.”

https://www.facebook.com/davidcasamep/posts/1723121441217370

Fil-kummenti tiegħu, l-Kwestur Casa, li hu parti mill-Bureau tal-Parlament, qal li “il-lockdowns madwar l-Ewropa għamlu l-ħajja għal ħafna familji diffiċli. Hemm nies tilfu xogħolhom. Oħrajn raw tnaqqis drastiku fid-dħul tagħhom. Biż-żieda fil-fondi li ġiet approvata llum, nistgħu ngħinu lil dawk li l-aktar intlaqtu ħażin mill-pandemija.

Il-FEAD jipprovdi għajnuna lil nies f’sitwazzjonijiet vulnerabbli bi flus għax-xiri ta’ affarijiet bażiċi. Il-bidliet fir-regoli attwali tal-FEAD li ġew innegozjati mill-MEP Casa se jagħmluha possibbli għall-Istati Membri biex jaċċessaw fondi li jkunu disponibbli permezz tar-REACT-EU, hekk kif se jiżdied il-perjodu li fih jistgħu jintużaw dawn il-flus biex ikun assigurat li l-użu ta’ dan il-fondi jibqa’ għaddej.

David Casa hu wkoll in-negozjatur ewlieni tal-Parlament Ewropew tal-Fond  Soċjali Ewropew Plus, li hu ragruppament ta’ fondi Ewropej b’valur ta’ madwar €90 biljun li jiffurmaw l-għodda ewlenija tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali. Bħalissa, l-MEP Casa qed jinnegozja mal-Gvernijiet Ewropej biex jassigura li dawn il-fondi jkunu disponibbli kemm jista’ jkun malajr.