Lokali Saħħa

“Is-sitwazzjoni Covid hija stabbli… aktar miżuri jekk jiżdiedu n-nies l-isptar” – Chris Fearne

Il-kejl għall-introduzzjoni ta’ miżuri ġodda ta’ mitigazzjoni għall-pandemija huwa n-numru ta’ pazjenti fl-ispjtarijiet u l-ITU. Dan qalu l-Ministru tas-Saħħa u Deputat Prim Ministru Chris Fearne, meta kien qed iwieġeb domandi mill-ġurnalisti.

Madankollu mistoqsi x’inhu l-limitu tal-każijiet l-isptar li bih jiskattaw miżuri ġodda, il-Ministru ma ppreċiżax.

Mistoqsi jekk in-numru kbir ta’ każi ġodda jitlobx aktar restrizzjonijet, il-Ministru qal biss li bħalissa s-sitwazzjoni hi waħda stabbli. Bħal ma kienet stabbli f’Ottubur li għadda b’medja ta’ 130 każ ġdid kuljum, is-sitwazzjoni hija stabbli issa b’medja ta’ 150 u 180 każ kuljum.

Intant dwar il-proċess tat-tilqim, il-Ministru tas-Saħħa ammetta li fl-ewwel ġimgħat it-tilqim kien qed jingħata f’ammonti żgħar, biex imbagħad bdew jiżdiedu bilmod il mod.

Dwar it-tilqim tal-għalliema jidher li dawn se jkunu qed jitlaqqmu kif avżat f’Dicembru.. jiġifieri wara frontliners ohra inlkluż Pulizija, Wardens, Environemtal Hearlth Officers u aktar.

Sa issa, huma madwar 400 dawk li ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin f’pajjiżna.

Sadanittant, id-Deputat Prim Ministru, bħal kollegi oħra sħabu, ukoll sab diffikulta jwieġeb dwar min bejn Edward Scicluna u Joseph Muscat kien qed jgħid il-verità taħt ġurament fil-Qorti, jekk id-deal tal-Vitals kienx diskuss fil-kabinett jew le.

Chris Fearne saħansitra wasal jgħid li ż-żewġ verżjonijiet totalment kontrastanti, huma l-istess.