Lokali

Konferma kemm fis-settur tal-enerġija ma nbidel xejn – PN

L-aħbar mogħtija lbieraħ fil-Parlament mill-Ministru Miriam Dalli sabiex ma tippubblikax l-applikazzjoni li l-Gvern Laburista ressaq lill-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-insistenza li r-risposta tal-Kummissjoni Ewropea tibqa’ sigrieta, tikkonferma kemm fis-settur tal-enerġija ma nbidel xejn. Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Politika dwar l-Ilma u l-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli Ryan Callus.

L-istqarrija tgħid li dan l-istess atteġġjament ta’ ħabi qegħdin narawh fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi fejn il-Membri tal-Gvern qegħdin jibqgħu jirrifjutaw il-pubblikazzjoni tal-kuntratti li rabtuna għal 18-il sena nixtru l-elettriku bl-għoli.

Dan minbarra li l-Kummissjoni Ewropea rrifjutat it-talba tal-Gvern Laburista għall-pipeline tal-gass għaliex ma kienetx konformi mal-iżvilupp teknoloġiku miksub li jmur lil hinn mill-gass, għal wieħed ibbażat fuq l-idroġenu.

Din l-insistenza ta’ ħabi hija konferma tal-inkompetenza u t-taħwid li rajna fis-settur tal-enerġija matul is-snin li għaddew, u li minkejja li kien hemm bidla fit-tmexxija tad-dekasteru, l-affarijiet baqgħu l-istess. 
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Ministru Miriam Dalli sabiex tieqaf tgħatti it-tħarbit tal-predeċessuri tagħha u tippubblika d-dokumenti dwar il-pipeline tal-gass għaliex huwa biss bit-trasparenza li nistgħu noffru enerġija irħas u nadifa.