Lokali Qorti

Melvin Theuma jinsab fi stat li jkompli jixhed u se jagħmel dan nhar it-Tnejn

Melvin Theuma, l-middleman fl-assasinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jinsab f’qagħda li jista’ jkompli jagħti x-xhieda tiegħu fil-Qorti. Dan ħareġ mix-xhieda tat-tliet psikjatri li għamlu djanjosi fuq Theuma.

Il-Qorti qalet li wara li semgħet ix-xhieda tal-Psikjatri, hija lesti li tisma’ x-xhieda ta’ Theuma nhar it-Tnejn, 25 ta’ Jannar fis-sagħtejn ta’ wara nofs inhar.

Dan ħareġ meta kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi kontra t-tliet irġiel akkużati li jinsabu akkuati li poġġew l-bomba li qatlet lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. George Degiorgio ta’ 55 sena, magħruf bħala “Ic-Ciniz”, Alfred Degiorgio ta’ 53, magħruf bħala “Il-Fulu” u Vincent Muscat ta’ 55 sena, magħruf bħala “Il-Koħħu” huma akkużati bil-qtil u numru ta’ akkużi relatati ma’ splussivi.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li qed tippresiedi l-każ qalet li hija kienet infurmata dwar il-proċeduri li ttieħdu fil-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech, akkużat li ppjana l-qtil tal-ġurnalista.

Tenniet li kienet se ssegwi l-ordni mogħtija mill-Maġistrat Rachel Montebello, li jkun projbit dak li jingħad mit-tim psikjatriku fuq Theuma, madankollu l-media tista’ tirrapporra jekk dan huwiex fi stat li jixhed jew le.

Wara li t-tliet psikjatri li assessjaw is-saħħa mentali ta’ Melvin Theuma, ppreżentaw ir-rapport tagħhom fil-Qorti, l-Avukat Mark Sant, li qed jidher għal Vince Muscat, staqsa lill-esperti jekk il-problemi ta’ saħħa mentali ta’ Theuma bdewx qabel jew wara l-qtil.

Id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia oġġezzjona għall-mistoqsija u tenna li din hija rrelevanti f’dan l-istadju. L-Avukat Jason Azzopardi, li qed jidher għall-familja Caruana Galizia għamel diversi mistoqsijiet iżda dak li kien qed jistaqsi u x’jiġi mwieġeb ma setax jiġi rrappurtat.

L-Avukat William Cuschieri li qed jidher għal aħwa Degiorgio qal li jrid li r-recordings kollha jinstemgħu fil-qorti. “Jekk hemm evidenza li Theuma qed jigdeb, wieħed ikollu jaffaċċja l-konsegwenzi,” saħaq Cuschieri.

Il-Qorti fid-digriet li tat irreferiet għad-deċiżjoni tal-Qorti tal-appell ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima li tgħid li r-recordings għandhom ikunu esebiti fil-każ.

Il-Qorti nnutat ukoll li l-maġġor parti tat-talba li saret kienet dwar evidenza li nstemgħet fil-magħluq u fi proċeduri differenti tal-Qorti. Għalhekk ma laqgħetx it-talba.

Hekk kif il-Maġistrat kienet ħierġa barra mill-awla għas-sigrieta tagħha, l-akkużati deheru li ma kienux kuntenti b’din id-deċiżjoni fejn George Degiorgio beda jgħajjat qal jgħid,”Din semmathom ir-recordings?”

L-aħwa Degiorgio irrabbjat bdew jipprotestaw fl-awla u bdew juru li ma kienux qegħdin jaqblu ma’ dak li kienet għadha kemm iddeċidiet il-Maġistrat.

L-aħwa Degiorgio bdew jindirizzaw lid-Deputat Avukat Ġenerali u filwaqt li George Degiorgio sa neħħa wkoll il-maskra, lil Galea Farrugia beda jgħidlu li kienet qed tinkiser il-kostituzzjoni u li b’xi mod ir-recordings kienu se jismgħuhom.

Minkejja li l-uffiċjali tal-ħabs li ġabu lill-akkużati l-Qorti u wara kienu qegħdin jistennew li jergħu jeħduhom fil-Faċilità Korrettiva, peress li s-seduta kienet intemmet, huma ma għamlu ebda reazzjoni u wara li għadda ftit tal-ħin reġgġħet irritornat il-kalma fl-awla 22 fejn saret is-seduta.