Lokali Qorti

Mhux ħatja li saqet għal fuq l-eks maħbub ta’ oħtha, li ma nstabx ħati li heddidha

Michelle Camilleri ta’ 32 sena ma nstabitx ħatja li weġġgħet ħafif lil Alvin Pullicino, l-eks sieħeb ta’ oħtha meta rifsitu bil-karozza tagħha f’Ħaż-Żabbar.

Minn naħa tiegħu Pullicino ma nstabx ħati li nsulenta lill-istess Michelle Camilleri u li kkaġunalha biża li kienet se tintuża vjolenza fil-konfront tagħha.

Pero huwa ġie mmultat €500 u kellu l-liċenzja tal-karozza sospiża għal tliet xhur wara li nstab ħati li qal kliem oxxen u li saq b’manjiera perikoluża waqt l-inċident li seħħ ma’ Camilleri.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo semgħet il-provi u ġġudikat il-każ fil-konfront tal-akkużati fejn mill-provi ħareġ li fis-27 ta’ Frar, 2017 għall-ħabta tal-5.00pm. Alvin Pullicino għamel rapport fl-Għassa ta’ Ħaz-Zabbar, filwaqt li Michelle Camilleri għamlet rapport fl-Għassa taż-Żejtun fuq argument li kellhom.

Pullicino u Chantelle Debono, li tiġi oħt Michelle Camilleri għandhom tifla. U mir-rapport li sar minn Alvin, ħareġ li kien ra lit-tifla tiegħu fil-karozza ma Michelle Camilleri, Ħaż-Żabbar, u għamel sinjal lil Michelle Camilleri biex tieqaf f’ġenb biex ikun jista’ jkellem lil bintu.

Michelle Camilleri waqfet f’ġenb iżda kif mar mal-karozza tagħha, hija qabdet u saqet u għaddiet  minn fuq il-pala ta’ siequ u laqtitlu idu l-leminijia.

Alvin Pullicino għamel ċertifikat mediku tal-grieħi li kien sofra, bil-Pulizija ipprovat tagħmel kuntatt ma Michelle Camilleri, li rriżulta li fil-frattemp kienet għamelt rapport fl-Għassa taż-Żejtun.

Hija marret l-Għassa ma ohtha Chantelle u qalet lill-Pulizija li waqt li kienet quddiem il-hanut ‘Xelinu’, Ħaż-Żabbar, Pullicino, waqqafha bil-vettura u beda jsuq ghal warjaha tul diversi toroq.

Qalet li Pullicino kien ma’ żewġ ġuvintur oħra b’karozza Toyota li għaddiet ‘wrong way’ sabiex iwaqfuha. Pullicino niżel mill-karozza u qal lil Michelle li kien hemm ġuvni mieghu li xtaq ikellem lit-tifla t’oħtha.

Michelle qalet li beżgħet li Alvin kien se jipprova jieħu lit-tifla  u qabdet u saqet minn fuq il-post fid-direzzoni tal-Maxims u kif waslet viċin il-ħanut, Alvin irnexxielu jaqbiża u jimblukkala t-triq.

Wara li niżel mill-vettura tiegħu beda jidghi, jgħajjat u jsabbat idejh fuq il-karozza tagħha u qalet li rnexxielha taħrab minn fuq il-post u saħansitra għaddiet ‘wrong side’ u minn fuq lights ħomor tul it-triq, iżda Alvin rega’ rnexxielu jilħaqha u jimblukkala t-triq.

Qalet li kien irnexxielha tiskapulah u saqet lejn Żabbar Road. Minn hawn l’hemm Alvin Pullicino ma baqax isegwiha.  Xehed fil-każ Gavin Spagnol, li qal li kien ma’ Alvin Pullicino, u li meta kienu Ħaż-Żabbar u raw it-tifla ta’ Alvin Pullcino fil-karozza ma Michelle Camilleri.

Kif Alvin Pullicino niżel mill-vettura tiegħu u mar biex ikellem lit-tifla tiegħu fil-karozza ta’ Michelle Camilleri, din qabdet u saqet b’konsegwenza li rifsitlu saqajh bir-rota tal-karozza kif ukoll laqtitlu idejh.

Pullicino saq għal warajha iżda meta Michelle Camilleri baqgħet ħierġa minn fuq il-kulur aħmar tad-dawl tat-traffiku, Gavin Spagnol qal lil Alvin Pullicino biex imur jagħmel rapport l-Għassa kif fil-fatt ghamel.

Ix-xhud qal li fil-karozza ma Alvin Pullicino u Gavin Spagnol kien hemm raġel jgħidulu “Iz-Zendin”, iżda ma jafx x’jismu. Spjega li dan kien għamel perjodu żgħir joħroġ ma’ Chantelle Camilleri.

Spagnol qal fil-Qorti li Chantelle Camilleri u “Iz-Zendin” kienu marru f’lukanda u t-tifla ta’ Chantelle Camilleri u Alvin Pullicino kienet rieqda fl-istess sodda ma’ Chantelle u “Iz-Zendin”, li anke kien ħa ritratti tat-tifla rieqda fl-istess sodda magħhom sabiex juri dawn ir-ritratti lil Alvin Pullicino.

Ix-xhud innega li hu, Alvin Pullicino u “Iz-Zendin” marru jfittxu lil Chantelle Camilleri bil-karozza iżda qal li riedu jmorru Ħaż-Żabbar sabiex jagħmlu kopja tar-ritratti.

Qal li Alvin Pullicino niżel mill-karozza biex jistaqsi lit-tifla tiegħu jekk kienitx taf liz-“Zendin” u kif uriha ritratt, Michelle Camilleri saqet bil-karozza.

Kurt Buhagiar, li kien ukoll fil-karozza ma’ Pullicino qal li dak inhar mar jiltaqa’ ma Alvin Pullicino u Gavin Spagnol, Birżebbuġia biex jgħid lil Alvin Pullicino iħalli lil Chantelle Debono bi kwietha għax kien qed jaqlagħla l-problemi.

Meta ltaqa ma Alvin Pullicino, Kurt Buhagiar tah ritratt tiegħu ma Chantelle Debono u t-tifla ta’ Alvin Pullicino. Qal li dak inhar Alvin Pullicino lemaħ lil Michelle Camilleri li kellha t-tifla tiegħu fil-karozza magħha, niżel mill-karozza sabiex jieħu lit-tifla tiegħu u lil Michelle kien qalilha li hu, (Kurt Buhagiar) xtaq ikellem lit-tifla, mentri fil-verità, huwa ma xtaqx ikellem lit-tifla ta’ Alvin Pullicino.

Kompla li x’ħin Michelle Camilleri rat li Alvin Pullicino resaq lejn il-karozza tagħha, qabdet u saqet. Dak il-hin Alvin Pullicino rega’ rikeb il-karozza u saq għal waraja lejn iż-Żejtun.

Kurt Buhagiar qal li huwa qatt ma kellu relazzjoni ma Chantelle Debono, izda kien ħabib tal-familja tagħha. Spjega li huwa kien ġab in-numru ta’ Alvin Pullicino mingħand oħtu u meta ċempillu xtaq ikellmu sabiex iħalli lil Chantelle Debono bi kwietha. Xehed li Michelle Camilleri ma kinitx laqtet lil Alvin Pullicino meta qabdet u saqet. 

Xehed ukoll it-tabib Jeffrey Bonnici li kien eżamina lil Alvin Pullicino li rriżulta li kien qed isofri minn nefħa fuq il-pala tas-sieq il-leminija u dan wara li ttieħdulu x-rays tas-sieq u l-għaksa li kienu normali.

Il-Qorti qalet li minn dak li qalu Alvin Pullicino u Michelle Camilleri, jidher li hemm animosità kbira lejn xulxin u dan kaġun tal-fatt li oħt Michelle kellha relazzjoni ma’ Pullicino u minn din ir-relazzjoni twieldet tifla.

Jidher iżda li din ir-relazzjoni spiċċat għal kollox, Alvin Pullicino b’xi mod għadu ma aċċettax li din ir-relazzjoni spiċċat speċjalment fejn tidħol it-tifla. Jidher ukoll li jeżistu żewġ verżjonijiet kontrastanti għall-aħħar minn xulxin.

Il-Qorti qalet li meta ġudikant ikun iffaċċjat b’verżjonijiet konfliġġenti, jistgħu jiġru żewġ affarijiet. Jew il-ġudikant ikun tal-fehma li l-kaz tal-Prosekuzzjoni ma jkunx ġie ppruvat, u allura tillibera, jew jekk dan moralment konvint li l-verżjoni korretta hija waħda u mhux l-oħra, jimxi fuq dik il-verżjoni.

Jekk il-Qorti tħoss li hemm xhieda aktar kredibbli minn oħra, tkun effettivament qed ssib htija ‘on a balance of probabilities’ u mhux għaliex ikun hemm prova u ma jkollha ebda dubbju dettat mir-raguni dwar il-htija tagħhom, ħlief fil-każ ta’ Pullicino li tkellem ħażin u li saq b’manjiera perikoluża.

Madankollu ix-xhieda ma kienet kredibbli xejn u f-fawn ta’ dan kollu ma nstabux provi konkreti biż-żewġ imputati jiġu lliberati fuq ix-xenata li ħolqu. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christabelle Cauchi.